Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

Fil-mixja tagħna ta’ katekeżi fuq it-talb, illum u l-ġimgħa d-dieħla nixtiequ naraw kif, grazzi għal Ġesù Kristu, it-talb jiftħilna qalbna għat-Trinità – għall-Missier, għall-Iben u għall-Ispirtu –, u għall-baħar bla tarf ta’ Alla li hu Mħabba. Huwa Ġesù li fetħilna s-Sema u mexxiena lejn ir-relazzjoni tagħna ma’ Alla. Kien hu li għamel dan: fetħilna din ir-relazzjoni ma’ Alla Trinità: il-Missier, l-Iben u l-Ispirtu s-Santu. Dan hu li jistqarr l-Appostlu Ġwanni, fl-għeluq tal-prologu tal-Vanġelu tiegħu: “Lil Alla għadu ħadd ma rah; imma għarrafhulna l-Iben il-waħdieni ta’ Alla, li hu fi ħdan il-Missier” (1:18). Ġesù wriena l-identità, din l-identità ta’ Alla, Missier, Iben u Spirtu s-Santu. Aħna veru ma konniex nafu kif għandna nitolbu: liema kliem, liema sentimenti u liema lingwaġġ kienu tassew jixirqu lil Alla. F’dik it-talba li għamlu d-dixxipli lill-Imgħallem, li spiss fakkarna matul dawn il-katekeżijiet, hemm it-tiftix kollu tal-bniedem, it-tentattivi ripetuti tiegħu, li fihom spiss falla, li jdur lejn il-Ħallieq: “Mulej, għallimna nitolbu” (Lq 11:1).

Mhux it-talbiet kollha huma bħal xulxin, u mhux kollha huma tajbin: il-Bibbja stess turina r-riżultat ħażin ta’ tant talbiet, li jiġu miċħuda. Forsi Alla xi drabi mhux kuntent bit-talbiet tagħna u aħna mank nintebħu b’dan. Alla jħares lejn l-idejn ta’ min jitlob: biex ikunu safja m’hemmx bżonn naħsluhom, pjuttost hemm bżonn ma nagħmlux għemejjel ħżiena. San Franġisk kien jitlob: “Nullu homo ène dignu te mentovare”, jiġifieri “l-ebda bniedem ma jistħoqqlu jlissen ismek” (Għanja tal-ħlejjaq).

Imma forsi l-għarfien l-aktar kommoventi tal-faqar tat-talb tagħna warrad fuq xofftejn dak iċ-ċenturjun Ruman li jum wieħed mar talab lil Ġesù jfejjaqlu l-qaddej marid tiegħu (ara Mt 8:5-13). Hu ħassu li xejn ma kien jistħoqqlu: ma kienx Lhudi, kien uffiċjal mibgħud tal-eżerċtu tal-ħakkiema. Imma t-tħassib tiegħu għall-qaddej ġagħlu jissogra, u jgħidlu: “Sinjur, ma jistħoqqlix li tidħol taħt is-saqaf tiegħi. Iżda int ordna biss b’kelma, u l-qaddej tiegħi jfiq” (v. 8). Hija l-frażi li anki aħna ntennu f’kull liturġija Ewkaristika. Id-djalogu mal-Mulej huwa grazzja: lilna ma tisħoqqilniex, m’għandna l-ebda jedd għaliha, aħna “nzappu” b’kull kelma u kull ħsieb tagħna… Imma Ġesù huwa l-bieb li jiftħilna qalbna għal dan id-djalogu ma’ Alla.

Għaliex Alla għandu jħobb lill-bniedem? Ma hemmx raġunijiet evidenti, ma hemmx proporzjon… Tant hu minnu dan li fil-parti l-kbira tal-mitoloġiji ma narawx xi alla li jagħti każ tal-ġrajjiet tal-bniedem; anzi, dawn idejquh, u huma ta’ min iwarrabhom. Niftakru fil-frażi ta’ Alla lill-poplu tiegħu, imtennija fid-Dewteronomju: “Aħseb ftit, liema poplu għandu l-allat hekk qrib tiegħu, kif intom għandkom lili qrib tagħkom?”. Din il-qrubija ta’ Alla hija r-rivelazzjoni! Xi filosfi jgħidu li Alla jista’ biss jaħseb għalih innifsu. Jekk xejn, huwa aħna l-bnedmin li nfittxu kif ħa nipperswadu lid-divinità u kif ningħoġbu f’għajnejha. U minn hawn ġej id-dmir tar-“reliġjon”, bil-korteo ta’ sagrifiċċji u ta’ devozzjonijiet li noffru l-ħin kollu biex niġbdu fuqna l-grazzja ta’ Alla mutu, Alla indifferenti. Ma hemmx djalogu. Kien biss f’Ġesù, kien biss fir-rivelazzjoni ta’ Alla qabel Ġesù lil Mose, li Alla ppreżenta ruħu; kienet biss il-Bibbja li fetħitilna l-mixja tad-djalogu ma’ Alla. Niftakru: “Liema poplu għandu l-allat hekk qrib tiegħu kif int għandek lili?”. Din il-qrubija ta’ Alla li tiftħilna t-triq tad-djalogu miegħu.

Alla li jħobb lill-bniedem, aħna qatt ma kien ħa jkollna l-kuraġġ nemmnu li jeżisti kieku ma sirniex nafu lil Ġesù. L-għarfien ta’ Ġesù wriena dan, għenna nifhmuh. Huwa l-iskandlu li nsibu minqux fil-parabbola tal-missier ħanin, jew f’dik tar-ragħaj li joħroġ ifittex in-nagħġa l-mitlufa (ara Lq 15). Rakkonti bħal dawn qatt ma konna sa noħolmu bihom, inqas u inqas nifhmuhom, kieku ma ltqajniex ma’ Ġesù. Liema Alla hu lest li jmut għall-bnedmin? Liema Alla jħobb dejjem u bis-sabar kollu, mingħajr jippretendi mħabba lura? Liema Alla jaċċetta n-nuqqas tremend ta’ rikonoxxenza minn ibnu li jitolbu minn qabel il-wirt u jitlaq mid-dar biex iberbaq kollox (ara Lq 15:12-13)?

Huwa Ġesù li jurina l-qalb ta’ Alla. Hekk Ġesù jirrakkontalna b’ħajtu stess kemm Alla huwa Missier. Tam Pater nemo: Ħadd ma hu Missier bħalu. Il-paternità li hi qrubija, ħniena u ħlewwa. Ma ninsewhomx dawn it-tliet kelmiet li huma l-istil ta’ Alla: qrubija, ħniena u ħlewwa. Huwa l-mod kif hu jesprimi l-paternità tiegħu magħna. Aħna nsibuha bi tqila u mill-bogħod ħafna naslu biex nimmaġinaw l-imħabba li biha hi mimlija t-Trinità Qaddisa, u liema abbiss ta’ tjieba reċiproka hemm bejn il-Missier, l-Iben u l-Ispirtu s-Santu. L-ikoni tal-Lvant idewquna xi ħaġa minn dan il-misteru li hu l-bidu u l-hena tal-univers kollu.

Fuq kollox konna għadna bogħod qatigħ biex nemmnu li din l-imħabba divina kienet se titwessa’ u tirfes fuq ix-xtut tal-bnedmin: aħna d-destinatarji ta’ mħabba li ma hemmx oħra bħalha fuq din l-art. Il-Katekiżmu jfisser: “L-umanità qaddisa ta’ Ġesù – Ġesù bħala bniedem – hu t-triq li minnha jgħaddina l-Ispirtu s-Santu biex jgħallimna nitolbu ’l Alla l-Missier” (n. 2664). U din hi l-grazzja tal-fidi tagħna. Tassew ma stajniex nittamaw f’sejħa ogħla minn din: l-umanità ta’ Ġesù – Alla f’Ġesù qorob lejna – fetħet għalina l-istess ħajja tat-Trinità, fetħet beraħ, berrħet dan il-bieb tal-misteru tal-imħabba tal-Missier, tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.

Miġjub għall-Malti minn Francesco Pio Attard