Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

Inkomplu bir-riflessjonijiet tagħna fuq it-talb. It-talba Nisranija hi kollha kemm hi umana – aħna nitolbu bħala persuni umani, bħala dak li aħna –, tiġbor kemm it-tifħir u kemm is-supplika. Fil-fatt, meta Ġesù għallem lid-dixxipli tiegħu jitolbu, dan għamlu bil-“Missierna”, biex ma’ Alla nidħlu f’relazzjoni ta’ kunfidenza ta’ wlied u nuruh il-petizzjonijiet kollha tagħna. Nitolbu lil Alla l-ogħla doni: li jitqaddes ismu fost il-bnedmin, li tiġi saltnatu, li jkun li jrid hu għall-ġid tad-dinja. Il-Katekiżmu jfakkarna: “Hemm ġerarkija f’dak li nitolbu: l-ewwel is-Saltna, imbagħad dak li neħtieġu biex nilqgħuha u biex nagħtu sehemna ħa tiġi” (n. 2632). Imma fil-“Missierna” nitolbu wkoll għall-iktar doni sempliċi, għad-doni l-aktar ta’ kuljum, bħall-“ħobżna ta’ kuljum” – li jfisser ukoll is-saħħa, id-dar, ix-xogħol, il-ħwejjeġ ta’ kuljum; u anki għall-Ewkaristija jrid jgħid, meħtieġa għall-ħajja fi Kristu –; l-istess kif nitolbu għall-maħfra tad-dnubiet – li hi ħaġa ta’ kuljum; dejjem neħtiġuha l-maħfra – u għalhekk il-paċi fir-relazzjonijiet tagħna; u fl-aħħar biex hu jgħinna qalb it-tentazzjonijiet u jeħlisna mill-ħażen.

Nitolbu, nissupplikaw. Din hi ħaġa umana ħafna. Nerġgħu nisimgħu x’jgħid il-Katekiżmu: “it-talb biex naqilgħu xi ħaġa: hu f’din is-sura li nuru kif inħossu li hi l-qagħda tagħna quddiem Alla: ħlejjaq tiegħu li la aħna l-bidu tagħna nfusna, la nistgħu nikkontrollaw it-tiġrib li jiġi fuqna, u lanqas aħna l-għan aħħari tagħna nfusna; li aħna ukoll midinbin, u li bħala Nsara nafu li spiss nitbiegħdu minn Missierna. Meta nitolbu xi ħaġa, inkunu ġa qed nerġgħu lura lejn il-Missier” (n. 2629).

Jekk wieħed iħossu ħażin għax għamel ħwejjeġ koroh – hu midneb – meta jitlob il-Missierna diġà jkun qed joqrob lejn il-Mulej. Xi drabi nistgħu naħsbu li m’għandna bżonn ta’ xejn, li biżżejjed aħna għalina nfusna u nistgħu ngħixu fl-awtosuffiċjenza l-iżjed sħiħa. Xi drabi jiġri dan! Imma llum jew għada din l-illużjoni tgħib fix-xejn. Il-bniedem hu invokazzjoni, li xi drabi ssir karba, spiss fgata ġo fina. Ir-ruħ tixbah lil art niexfa, bil-għatx, kif jgħid is-Salm (ara Salm 63:2). Ilkoll induqu, f’xi mument jew ieħor tal-ħajja tagħna, iż-żmien tal-malinkonija u tas-solitudni. Il-Bibbja ma tistħix turi l-qagħda umana mmarkata mill-mard, mill-inġustizzji, mit-tradiment tal-ħbieb, jew mit-theddid tal-għedewwa. Xi drabi kollox donnu jidher qed jikkrolla, li l-ħajja li għexna sa issa kienet għalxejn. U f’dawn is-sitwazzjonijiet fejn ma jidher ebda xaqq dawl: il-karba, it-talba “Mulej, għinni!”. It-talb jiftaħ xquq ta’ dawl qalb l-eħxen dlamijiet. “Mulej, għinni!”. Dan jiftaħ triq, jiftaħ il-mixja.

Aħna l-bnedmin naqsmu din l-invokazzjoni għall-għajnuna mal-ħolqien kollu. M’aħniex waħidna “nitolbu” f’dan l-univers immens: kull biċċa tal-ħolqien iġġorr miktuba fiha x-xewqa ta’ Alla. U San Pawl dan esprimieh hekk. Jgħid hekk: “Aħna nafu li l-ħolqien kollu għadu s’issa jitniehed bl-uġigħ tal-ħlas; u mhux hu biss, imma wkoll aħna li għandna l-ewwel frott tal-Ispirtu, aħna wkoll nitniehdu fina nfusna” (Rum 8:22-24). Fina tidwi l-karba tal-uġigħ li tinsab f’ħafna suriet fil-ħlejjaq l-oħra: tas-siġar, tal-blat, tal-annimali… Kull ħaġa hi mxennqa għall-milja. Kiteb Tertulljanu: “Titlob kull ħlejqa, jitolbu l-annimali u l-bhejjem selvaġġi u jinżlu għarkupptejhom; meta jħallu l-istalel tagħhom jew il-bejtiet fejn jistkennu, jerfgħu rashom lejn is-sema u ma jibqgħux fommhom magħluq, il-karba tagħhom tidwi skont kif imdorrijin jagħmlu. U anki l-għasafar, mank ikunu għadhom taru, li ma jitperrċux fuq is-smewwiet u jiftħu ġwenħajhom bħallikieku kienu dirgħajn f’għamla ta’ salib, ipespsu xi ħaġa li donnha talba” (De oratione, XXIX). Din hi espressjoni poetika biex nikkummentaw dak li San Pawl jgħid, “li l-ħolqien kollu jitniehed, jitlob”. Imma aħna l-uniċi li nitolbu u nafu li qed nitolbu, li nafu li qed induru lejn il-Missier, li nidħlu fi djalogu mal-Missier.

Għalhekk, m’għandniex niskandalizzaw ruħna jekk inħossu l-bżonn li nitolbu, ma għandniex għax nistħu. U fuq kollox meta nkunu fil-bżonn, nitolbu. Ġesù, meta jitkellem fuq raġel diżonest, li kellu jagħmel il-kontijiet ma’ sidu, jgħid hekk: “Nittallab? Nistħi”. U ħafna minna għandna dan is-sentiment: nistħu nitolbu; nitolbu għajnuna, nitolbu xi ħaġa lil xi ħadd biex jgħinna nagħmluha, biex naslu għal dak l-iskop, u anki nistħu nitolbu lil Alla. M’għandniex għax nistħu nitolbu u ngħidu: “Mulej, għandi bżonn ta’ dan”, “Mulej, ninsab f’diffikultà”, “Għinni!”. Hija l-karba tal-qalb lejn Alla li hu Missier. U dan irridu nitgħallmu nagħmluh ukoll fiż-żminijiet ta’ ferħ; nirringrazzjaw lil Alla ta’ kull ħaġa mogħtija lilna, u ma nieħdu xejn bħala ħaġa ovvja jew dovuta: kollox hu grazzja. Il-Mulej dejjem jagħtina, dejjem, u kollox hu grazzja, kollox. Il-grazzja ta’ Alla. Madankollu, ejjew ma nifgawx is-supplika li titqanqal spontanja fina. It-talb ta’ petizzjoni jimxi id f’id mal-aċċettazzjoni tal-limiti tagħna u tal-fatt li aħna ħlejjaq. Nistgħu anki ma naslux biex nemmnu f’Alla, imma diffiċli ma nemmnux fit-talb: dan sempliċiment jeżisti; jippreżenta ruħu quddiemna bħala karba; u lkoll għandna x’naqsmu ma’ dan il-leħen ta’ ġo fina li forsi jibqa’ sieket għal żmien twil, imma jum wieħed iqum u jgħajjat.

Ħuti, aħna nafu li Alla se jwieġeb. Ma hemmx tallab wieħed fil-Ktieb tas-Salmi li jgħolli l-karba tiegħu u jibqa’ mhux mismugħ. Alla jwieġeb dejjem: illum, għada, imma dejjem iwieġeb, b’xi mod jew ieħor. Dejjem iwieġeb. Il-Bibbja dan ittennih elf darba: Alla jisma’ l-karba ta’ min jitolbu. Anki l-petizzjonijiet li ntemtmu aħna, dawk li baqgħu fil-qiegħ ta’ qalbna, li anki nistħu nesprimu, il-Missier jismagħhom u jrid jagħtina l-Ispirtu s-Santu, li hu r-ruħ ta’ kull talba u jibdel kollox. Hi kwistjoni ta’ paċenzja, dejjem, li nistabru u nistennew. Bħalissa qegħdin fi żmien l-Avvent, żmien tipikament ta’ stennija għall-Milied. Aħna qed nistennew. Dan jidher ċar. Imma anki ħajjitna kollha hi fi stennija. U t-talb hu dejjem stennija, għax nafu li l-Mulej se jwieġeb. Saħansitra l-mewt titriegħed meta Nisrani jitlob, għax taf li kull min jitlob għandu alleat iżjed b’saħħtu minnha: Kristu Rxoxt. Il-mewt diġà ġiet mirbuħa fi Kristu, u għad jasal il-jum li fih kollox ikun defenittiv, u hi ma tgħajjibx iżjed lil ħajjitna u l-ferħ tagħna.

Nitgħallmu nistennew lill-Mulej. Il-Mulej jiġi jżurna, mhux biss f’dawn il-festi kbar – il-Milied, l-Għid – imma l-Mulej iżurna ta’ kuljum fl-intimità tal-qalb tagħna jekk aħna nistennewh. U tant drabi ma nintebħux li l-Mulej hu fil-qrib, li qed iħabbat fuq il-bieb tagħna u nħalluh jidħol. “Nibża’ minn Alla għaddej; nibża’ li jgħaddi u jien ma nintebħax”, kien jgħid Santu Wistin. U l-Mulej jgħaddi, il-Mulej jiġi, il-Mulej iħabbat. Imma jekk int ikollok widnejk mimlija b’ħafna storbju, ma tismagħhiex is-sejħa tal-Mulej.

Ħuti, ejjew nistennew: dan hu t-talb!

Miġjuba għall-Malti minn Francesco Pio Attard