Għeżież ħuti, Kristu rxoxta!

Illum inħabbru solennement li Hu, il-Mulej ta’ ħajjitna, huwa “l-qawmien u l-ħajja” tad-dinja (cfr Ġw 11,25).  Illum l-Għid, li jfisser “mogħdija”, għax f’Ġesù twettqet il-mogħdija deċisiva tal-umanità: mill-mewt għall-ħajja, mid-dnub għall-grazzja, mill-biża’ għall-fiduċja, mill-miżerja għall-għaqda, għall-komunjoni.  Fih, Mulej taż-żmien u tal-istorja, irrid ngħid lil kulħadd bil-ferħ f’qalbi: l-Għid it-tajjeb!

Ħalli jkun għal kulħadd, għeżież ħuti, partikolarment għall-morda u għall-foqra, għall-anzjani u għal min hu għaddej minn waqtiet ta’ prova u għejja, mogħdija mit-tbatija għall-faraġ.  M’aħniex waħedna: Ġesù, Ħaj, magħna għal dejjem.  Ħa jifirħu l-Knisja u d-dinja, għax illum, it-tamiet tagħna mhux se jibgħu jitkissru mal-ħajt tal-mewt, iżda l-Mulej fetħilna pont lejn il-ħajja. Iva, ħuti, fl-Għid ix-xorti tad-dinja nbidlet u llum, id-data li fiha probabbilment seħħ il-qawmien ta’ Kristu, nistgħu nħossu l-ferħ li niċċelebraw, purament minħabba l-grazzja, il-jum l-aktar importanti u sabiħ tal-istorja.

Kristu qam tassew, kif ixxandar il-Knisja tal-Orjent: Christòs anesti!  Dil-kelma verament tfisser li t-tama mhix illużjoni, hija verità!  U li l-mixja tal-umanità mill-Għid ‘l hinn hija ttimbrata bit-tama, ħaffet il-pass. Juruna dan bl-eżempju tagħhom l-ewwel xhieda tal-Qawmien ta’ Ġesu. L-Evanġelji jirrakkuntawlna l-għaġla li biha, nhar l-Għid “in-nisa marru jħaffu jagħtu l-aħbar lid-dixxipli” (Mt 28,8).  U mbagħad li Marija ta’ Magdala “telqet tiġri għand Xmun Pietru” (Ġw 20,2).  Ġwanni u Pietru nnifsu “ġrew it-tnejn flimkien” (cfr v. 4) biex imorru lejn il-post fejn kien midfun Ġesù. Imbagħad, nhar l-Għid filgħaxija, wara li ltaqgħu mal-Irxoxt fit-triq ta’ Emmaws, żewġ dixxipli “qamu u reġgħu lura” (Lq 24,33) bla telf ta’ żmien u mxew diversi kilometri għat-telgħa u fid-dlam, imħeġġin mill-ferħ bla qies tal-Għid li kellhom imkebbes fi qlubhom (cfr v. 32). Dak l-istess ferħ ta’ Pietru li minħabba fih, fuq ix-xatt tal-għadira tal-Galilija, malli lemaħ lil Ġesù Kristu, ma felaħx jibqa’ fuq id-dgħajsa mal-oħrajn, imma ntefa’ minnufih il-baħar biex jgħum b’saħħtu kollha ħalli jmur jiltaqa’ miegħu (cfr Ġw 21,7).  Insomma, fl-Għid, il-mixja tħaffef il-pass u ssir ġirja, għax quddiem l-umanità jfeġġ l-għan tal-mixja tagħha, is-sens tad-destin tagħha, Ġesù Kristu, u hija sejħa biex tħaffef il-pass ħalli tiltaqa’ miegħu, Hu li hu t-tama tad-dinja.

Inħaffu l-pass aħna wkoll biex nisseddqu fil-mixja ta’ fiduċja reċiproka: fiduċja bejn il-persuni, bejn il-popli u n-nazzjonijiet.  Inħallu l-bxara hienja tal-Għid tissorprendina, dak id-dawl li jdawwal id-dlamijiet li sfortunatament id-dinja spiss issib ruħha mkaxkra fihom.

Inħaffu biex ngħelbu l-kunflitti u l-firdiet u biex niftħu qlubna għal min hu l-aktar fil-bżonn.  Inħaffu biex interrqu mogħdijiet ta’ paċi u fraternità.  Nifirħu bis-sinjali konkreti tat-tama li ġejjin minn tant pajjiżi, ibda minn dawk li joffru assistenza u akkoljenza li min hu maħrub mill-gwerra u mill-faqar.

Tul it-triq għad hemm bosta ostakli li dil-mixja tagħna lejn l-Irxoxt jagħmluha iebsa u ta’ qtigħ il-qalb. Induru lejh bit-talba ħerqana tagħna: għinna biex inħaffu l-pass lejn il-laqgħa miegħek! Għinna biex niftħu qlubna!

Għin lill-maħbub poplu Ukren fil-mixja lejn il-paċi u xerred id-dawl tal-Għid fuq il-poplu Russu. Farraġ lill-miġrugħin u lil kull min tilef lill-għeżież tiegħu minħabba l-gwerra u agħmel li l-priġunieri jerġgħu lura lejn djarhom fi ħdan il-familji tagħhom, qawwijin u sħaħ.  Iftaħ qalb il-komunità internazzjonali kollha sabiex timpenja ruħha kif imiss ħalli ttemm il-gwerra u l-kunflitti li qed idemmu d-dinja ibda mis-Sirja, li għadha qed tistenna l-paċi. Kun ta’ sapport għal kull min intlaqat mit-terremot vjolenti fit-Turkija u fl-istess Sirja.  Nitolbu għal dawk li tilfu l-familjari tagħhom u l-ħbiebhom u li sfaw bla dar: jalla jkollhom il-faraġ minn Alla u l-għajnuna tal-familja tan-nazzjonijiet.

F’dan il-jum, Mulej, nafdawlek f’idejk il-belt ta’ Ġerusalemm, l-ewwel xhud tal-Qawmien tiegħek. Nistqarr bil-miftuh it-tħassib kbir tiegħi minħabba l-attakki ta’ dawn l-aħħar ġranet li huma theddida għall-klima ta’ rispett u fiduċja reċiproka tant mixtiqin, tant meħtieġa biex jerġa’ jibda d-djalogu bejn l-Iżraeljani u l-Palestinjani, sabiex issaltan il-paċi fil-Belt Imqaddsa u fir-reġjun kollu.

Għin, Mulej, il-Libanu, li għadu qed ifittex l-istabbiltà u l-għaqda, ħalli tkun megħluba l-firda u ċ-ċittadini kollha jaħdmu flimkien għall-ġid komuni tal-pajjiż.

Tinsiex lill-għażiż poplu tat-Tuniżija, partikolarment liż-żgħażagħ u lil dawk li qed isofru minħabba problemi soċjali u ekonomiċi, sabiex ma jitilfux it-tama u jikkollaboraw flimkien biex jibnu ġejjieni ta’ paċi u fraternità.

Dawwar ħarstek fuq Haiti, li ilu snin isofri minħabba kriżi soċjo-politika u umanitarja kbira, u wieżen l-impenn tal-atturi politiċi u tal-komunità internazzjonali fit-tifittxija għal soluzzjoni definittiva ta’ tant problemi li qed jifilġu dik il-popolazzjoni turbolata.

Saħħaħ il-proċessi ta’ paċi u rikonċiljazzjoni mibdijin fl-Etjopja u fis-Sudan t’Isfel, u agħmel li tieqaf il-vjolenza fir-Repubblika Demokratika tal-Congo.

Wieżen Mulej, il-komunitajiet insara li llum qed jiċċelebraw l-Għid f’ċirkostanzi partikolari fin-Nicaragua u fl-Eritrea, u ftakar f’dawk kollha li ma jitħallewx jistqarru l-fidi tagħhom bil-libertà u pubblikament. Agħti l-faraġ lill-vittmi tat-terroriżmu internazzjonali, speċjalment fil-Burkina Faso, fil-Mali, fil-Mozambique u fin-Niġerja.

Għin lill-Myanmar iterraq toroq ta’ paċi u dawwal il-qlub responsabbli biex ir-Rohingya tturmentati b’tant krudeltà issir ġustizzja magħhom.

Farraġ lir-rifuġjati, lid-deportati, lill-priġunieri politiċi u l-migranti, speċjalment lill-aktar vulnerabbli u mhux l-anqas lil min qed ibati l-ġuħ, il-faqar u l-effetti diżgrazzjati tat-traffikar tad-drogi, tan-negozjar tal-persuni u ta’ kull għamla ta’ skjavitù. Mulej, dawwal lil min hu responsabbli fin-nazzjonijiet sabiex ebda raġel jew mara ma jsofru diskriminazzjoni jew ikollhom id-dinjità tagħhom ikkalpestata; sabiex b’rispett sħiħ lejn id-dinjità umana u d-demokrazija jitfejqu l-pjagi soċjali, jitfittex dejjem il-ġid komuni taċ-ċittadini u tkun garantita s-sigurtà u l-kundizzjonijiet neċessarji għad-djalogu u l-konvivenza paċifika.

Għeżież ħuti, ejjew insibu aħna wkoll mill-ġdid it-togħma tal-mixja, it-taħbita tat-tama, ejjew induqu minn issa s-sbuħija tas-Sema! Niksbu llum l-enerġiji biex inkomplu mexjin ‘il quddiem fit-tajjeb lejn il-Ġid li ma jqarraq qatt.  U jekk, kif kiteb wieħed mill-Missirijiet tal-qedem, “l-akbar dnub hu li ma nemmnux fil-qawwa tar-Riżurrezzjoni” (San Iżakk ta’ Ninive, Sermones ascetici, I,5), illum nemmnu: “Iva, ċerti minn dan: Kristu qam tassew” (Sekwenza).  Nemmnu fik, Mulej Ġesù, nemmnu li miegħek terġa’ titwieled it-tama, il-mixja tkompli. Int, Mulej tal-ħajja, agħti kuraġġ lill-mixjiet tagħna u tenni lilna wkoll, kif għidt lid-dixxipli nhar l-Għid filgħaxija: “Il-paċi magħkom!” (Ġw 20, 19.21).

Sors: laikos.org