L-Omelija tal-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi

“Imbeżżgħa … bil-bibien magħluqa”. Hekk kienu d-dixxipli miġbura flimkien: imbeżżgħa u bil-bibien magħluqa. Kienu qishom qed jagħmlu self-isolation bħala grupp mhux għaliex fil-pajjiż kien hemm lockdown, jew għaliex kien hemm xi periklu bħalma għandna aħna llum – u għalhekk noqogħdu ġewwa – imma għax kienu mbeżżgħa minn dawk in-nies li lil Ġesù kienu wassluh għall-passjoni u l-mewt tiegħu.

Kienet għalhekk ta’ sorpriża kbira u ta’ ferħ kbir meta Ġesù ġie f’nofshom hemmhekk, kif kienu miġbura bil-bibien magħluqa, l-istess Ġesù li huma kienu jafu qabel imma li kważi kollha kienu abbandunawh fl-aħħar. U Ġesù meta waqaf f’noshom, qalilhom: “Is-sliem għalikom”. Din kienet it-tislima tiegħu li ta lid-dixxipli tiegħu hemmhekk migbura flimkien.

Nixtieq li nħarsu lejn Ġesù u naraw dawn iż-żewġ laqgħat li kellu mad-dixxipli, illi jsemmi l-Evanġelju llum, u x’jurina Ġesù għall-ħajja tagħna.

L-ewwel nett din il-laqgħa mad-dixxipli meta l-ewwel messaġġ tiegħu kien: “Is-sliem għalikom”. Ried iwasslilhom il-paċi. Dawn kienu n-nies li, ħlief wieħed, ma baqgħux miegħu fil-passjoni u l-mewt tiegħu. U Ġesù, meta jiltaqa’ magħhom, ma jaħtafhomx, ma jfakkarhomx fil-passat, ma jagħmilx xi ilment għax hu spiċċa vittma u ħallewh waħdu. Imma jgħidilhom: “Is-sliem għalikom”. Jagħtihom il-paċi, jagħtihom il-maħfra, iwasslilhom il-ħniena kbira ta’ Alla. Mhux biss, imma jagħmel lilhom ukoll dawk li jwasslu l-imħabba, il-ħniena u l-maħfra ta’ Alla.

Hemmhekk, f’din l-ewwel laqgħa, Ġesù jgħinhom biex jegħlbu l-biża’ – il-biża’ li jħallihom ġewwa bil-bibien magħluqa; biex ikunu jistgħu jegħlbu dan il-biża’ u joħorġu ’l barra jxandru l-Aħbar it-Tajba.

Ħa nħarsu lejn it-tieni laqgħa ta’ Ġesù ġimgħa wara, meta did-darba kien hemm xi ħadd li ma kienx hemm fl-ewwel laqgħa, Tumas. Avolja kienu qalulu “rajna l-Mulej”, ma riedx jemminhom. Issa kinetx għaliex rasu iebsa jew stinat, jew inkella għax għalih id-dixxipli ma kinux kredibbli bħala grupp, kienet x’kienet ir-raġuni, hu ried il-provi. Ried, kif ngħidu bil-Malti, jara b’għajnejh u jmiss b’idejh.

Ġesù, meta jiġi u jkun hemm Tumas, ma’ ma jkunx żorr miegħu jew jaħtfu, imma jgħinu biex jissaħħaħ fil-fidi tiegħu. Jgħinu biex jemmen. Għalhekk jgħidlu: “Tkunx bniedem bla fidi, imma emmen.” U lil Tumas jgħinu biex jagħmel dik l-istqarrija sabiħa li fuq fomm id-dixxipli nsibuha l-ewwel darba, u nsibuha proprju fuq fomm Tumas, meta jgħidlu: “Mulej tiegħi u Alla tiegħi”. Mhux biss qed jara lil Ġesù li rebaħ il-mewt, li qam għal ħajja ġdida, imma qed jagħrfu bħala l-Mulej u Alla: “Mulej tiegħi, u Alla tiegħi”.

Kemm hu sabiħ li nieħdu dawn iż-żewġ ġrajjiet flimkien, dawn iż-żewġ laqgħat ta’ Ġesù mad-dixxipli tiegħu, u niftakru li dak li għamel magħhom jagħmlu magħna. Lilna wkoll Ġesù jrid iwassal l-imħabba, il-ħniena u l-maħfra ta’ Alla, li tgħinna biex inkunu fil-paċi, biex ngħixu bil-paċi f’qalbna. Lilna wkoll Ġesù jrid isaħħaħ fina l-fidi biex aħna li kultant ukoll infittxu l-provi u l-affarijiet konkreti, jgħinna biex nissaħħu fil-fidi fih. Għalhekk jgħid, u qed jgħid għalina fost l-oħrajn: “Henjin dawk li ma rawx u emmnu”. Lilna wkoll Ġesu jrid jgħoddna mal-ħenjin.

Imma hemm ħaġa oħra importanti f’din il-ġrajja, li hi sabiħa ħafna, u li għandha messaġġ qawwi anke għalina llum. Ġesù Rebbieħ, Ġesu li jirbaħ il-mewt, meta jidher lid-dixxipli tiegħu, jidher bil-pjagi, bil-pjagi miftuħa. U hekk jibqa’. Dan hu messaġġ. Meta lil Tumas jgħidlu: Ejja miss il-pjagi, qed jgħidlu: fl-istess waqt li tistqarr “Mulej tiegħi u Alla tiegħi”, ftakar dejjem li dan hu Alla kollu ħniena. Il-pjagi x’inhuma? Huma sinjal tat-tbatija li tifdi, sinjal tal-imħabba u l-ħniena ta’ Alla sal-aħħar. Għalhekk qed jgħidlu: meta inti tistqarr “Mulej tiegħi u Alla tiegħi”, ftakar dejjem fil-ħniena ta’ Alla – li Alla hu dak li jiġri warajna biex iwasslilna l-maħfra u l-ħniena tiegħu.

llum min huma dawn il-pjagi miftuħa ta’ Ġesù? Huma l-morda, dawk li qegħdin waħedhom u jħossuhom abbandunati, dawk li qegħdin il-ħabs, dawk li huma bil-ġuħ u bil-għatx, dawk li qed jgħajtu biex xi ħadd isalva ħajjithom, dawk umiljati fid-dinjità tagħhom, huma l-vittmi ta’ vjolenza domestika.

Imma wkoll hemm ħaġa oħra: ftakar li inti trid tara lil Alla fil-pjagi tal-bniedem tal-lum, fil-pjagi ta’ żminijietna. Għalhekk il-pjagi ta’ Ġesù jibqgħu miftuħa għax narawhom ukoll fil-pjagi tal-umanità. Għalhekk meta lil Tumas jgħidlu biex imiss il-pjagi, qed jgħid lilna lkoll li aħna wkoll irridu mmissu l-feriti u ngħinu lil dawk li llum huma għaddejjin mit-tbatija.

Illum min huma dawn il-pjagi miftuħa ta’ Ġesù? Huma l-morda, dawk li qegħdin waħedhom u jħossuhom abbandunati, dawk li qegħdin il-ħabs, dawk li huma bil-ġuħ u bil-għatx, dawk li qed jgħajtu biex xi ħadd isalva ħajjithom, dawk umiljati fid-dinjità tagħhom, huma l-vittmi ta’ vjolenza domestika. Huma tant nies li llum niltaqgħu magħhom jew nisimgħu fuqhom li qegħdin ibatu – dawn huma l-pjagi miftuħa ta’ Ġesù. Għalhekk qed jgħidilna: meta intom tgħinu u tieqfu ma’ dawn il-pjagi ta’ żminijietna, intom qegħdin f’dak li taraw, tqimu lil Alla li ma tarawx.

Illum nitolbu lill-Mulej din il-grazzja: biex isaħħaħ fina l-fidi, biex jgħinna negħlbu l-biża’ li jżommna lil qalbna magħluqa. Inkunu mimlija bl-imħabba, il-paċi u l-maħfra tiegħu, ħalli nistgħu nwassluhom lill-oħrajn u speċjalment meta nieqfu ma’ dawk kollha li huma l-pjagi ta’ Ġesù miftuħa, dawk kollha li b’xi mod għaddejjin minn tbatija llum.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju