L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

L-istorja tal-qtil ta’ Ġwanni l-Battista hi storja kerha, makabra, u fiha hemm konċentrazzjoni ta’ ħażen. Qisu dnub iwassal għal ieħor.

Naraw, l-ewwel nett, il-mibegħda – il-mibegħda li kellha f’qalbha Erodja. Ma kinitx taħmlu lil Ġwanni l-Battista. L-ewwel ġagħlet lil Erodi jitfgħu l-ħabs, jaqflu hemm, għax Ġwanni l-Battista kien jgħidlu lil Erodi: “Ma tistax iżżommha int il-mara ta’ ħuk”. Imbagħad kompliet biex dil-mibegħda kibret f’qalbha u riedet toqtlu. Ġiet din l-okkażjoni, ġietha x-xoqqa f’moxxtha, meta bintha li, wara li żifnet, Erodi kien qalilha li jagħtiha kulma trid, staqsietha x’titolbu u qaltilha: “ras Ġwanni l-Battista” (Mk 6:24). Innutaw: mhux biss toqtlu riedet, imma tivvendika ruħha, għax meta lil Ġwanni l-Battista qatgħulu rasu, qatgħu minn fejn kienet ġejja l-kelma ta’ Ġwanni l-Battista li kien jgħid il-verità li kienet tant tkiddha.

Għandna konċentrazzjoni ta’ ħażen. F’din l-istorja naraw ukoll kemm il-valur tal-ħajja ma kienx jeżisti, għalihom il-ħajja ma kienet tfisser xejn. Ħadd hawnhekk ma jgħid: lill-bniedem, għax ma taqbilx miegħu, tista’ teliminah? Tista’ toqtlu għax għandek kontrih? Hawn jgħid li Erodi stess lil Ġwanni kien joqgħod jisimgħu u “jħarsu mill-għawġ” (Mk 6:20). Imma mbagħad għax qal lil bint Erodja quddiem il-fizzjali u l-kapijiet “nagħtik kulma titlobni” (Mk 6:22), biex ma jiksirx kelmtu, joqtol lil Ġwanni l-Battista. Araw kemm il-ħajja ma kinitx tiswa. Jiġifieri għamel hekk biex ma jiksirx kelmtu, imma joqtol il-ħajja tal-bniedem! Ghalhekk, hawnhekk, għandna konċentrazzjoni ta’ ħażen.

Irridu noqogħdu attenti mill-mibegħda, ma nħalluhiex tinbet f’qalbna; għax il-mibegħda, jekk taħkimna, tmexxina għal ħafna ħażen

Imma qalb dal-ħażen kollu, għandna x-xhieda sabiħa ta’ Ġwanni l-Battista. Kif ifisser b’mod sabiħ San Pawl: “fejn kotor id-dnub, kotrot fuq li kotrot il-grazzja” (Rum 5:20). Għandna din ix-xhieda ta’ Ġwanni l-Battista li kien dejjem fidil lejn Alla u l-kelma tiegħu, u li kien jgħid il-verità bla biża’. Kien jgħid dak li hu sewwa u jaħdem għall-ġustizzja mingħajr biża’. Anke meta tefgħu l-ħabs, baqa’; kien jaf li se jħallas prezz għal din il-fedeltà tiegħu, imma kien lest li jibqa’ fidil sal-aħħar. U ħallas l-aqwa prezz, għax miet proprju biex ikun xhud tal-verità u xhud tal-kelma ta’ Alla.

Dan ir-rakkont lilna jgħidilna ħafna għall-ħajja tagħna; insemmi tliet affarijiet. L-ewwel nett, irridu noqogħdu attenti mill-mibegħda, ma nħalluhiex tinbet f’qalbna; għax il-mibegħda, jekk taħkimna, tmexxina għal ħafna ħażen. Kultant anke taqra fuq is-social media, fuq l-internet, kliem li hu frott tal-mibegħda u tant jagħmel ħsara. Bħalma rajna hawnhekk, il-mibegħda twassal għal ħafna ħażen. It-tieni, li aħna dejjem ngħożżu l-ħajja. Kontra x’għamlu hawn, li għalihom il-ħajja ma kinitx tiswa, għandna ngħozżu l-ħajja f’kull waqt tagħha – mill-ewwel mument tat-tnissil tagħha sat-tmiem naturali tagħha. Ngħożżu l-ħajja bl-imħabba. It-tielet, li nitgħallmu minn Ġwanni l-Battista li għandna nagħtu xhieda tal-fidi tagħna. U nagħmlu dan mingħajr biża’ – ma għandniex għalfejn nibżgħu jew nistħu nuru li aħna nemmnu. Anke jekk dan kultant ifisser tbatija jew sagrifiċċju, jew ngħaddu minn mumenti diffiċli; imma għandna nkunu fidili lejn il-kelma ta’ Alla u lejn dak li hu sewwa u ġust.

Nitolbu lill-Mulej illum speċjalment li jeħlisna mill-mibegħda; li jgħinna ngħożżu dejjem il-ħajja; u jgħinna biex inkunu fil-ħajja tagħna xhieda tiegħu u tal-kelma tiegħu bla biża’.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju