Bishop Stephen Blaire

“Ir-realta tal-qgħad u l-faqar mhix biss problema ekonomika imma sfida morali u test tal-fidi”. Dan qaluh l-Isqfijiet Amerikani fi stqarrija tal-Konferenza tal-Isqfijiet Kattoliċi tal-Istati Uniti fl-okkażjoni tal-ġurnata annwali ddedikata għax-xogħol.

Fl-istqarrija bit-tema “Human Costs and Moral Challenges of a Broken Economy”, l-Isqof Stephen  Blaire ta’ Stockton, California qal li l-ekonomija hi “mkissra b’modi fundamentali”.Fisser li “il-fidi tagħna tagħtina mod kif inħarsu lejn l-ekonomija dgħajfa. Mill-profeti tal-Antik Testment sal-eżempju tal-ħajja tal-Knisja tal-bidu fil-Ġdid Testment, nitgħallmu li Alla jieħu ħsieb lill-fqir u lill-vulnerabbli. Fil-ħajja tiegħu fuq din l-art, Kristu għallimna dwar id-dinjita tax-xogħol u qal li aħna se nkunu ġġudikati minn kif inġibu ruħna ma’ dawk l-iktar emarġinati u fil-bżonn”.

L-Isqfijiet Amerikani jkomplu li “l-insara jeħtieġ li jistudjaw bir-reqqa x’għallem Ġesu dwar l-użu tal-flus u l-ġid, l-ispirtu ta’ distakk mill-ġid ta’ din id-dinja, it-tiftix għall-ġustizzja u s-sejħa biex wieħed ifittex u jservi fis-Saltna t’Alla. B’dawn il-valuri Skritturali bħala pedament, il-Knisja iffukat fuq ix-xogħol,fuq il-ħaddiema u anki fuq il-ġustizzja ekonomika. Dan fid-diversi enċikliċi Papali, l-ewwel fosthom Rerum Novarum.

L-istqarrija żżid tinnota l-idea tal-Knisja dwar ix-xogħol, il-Unions tal-ħaddiema u ankis-solidarjeta mal-fqar.

L-Isqof Blaire temm jirrifletti li “għall-insara mhuwiex biżżejjed li jirrikonoxxu d-diffikultajiet attwali. Aħna poplu ta’ tama, impenjati għat-talb, biex ngħinu lil min għaddej minn mumenti diffiċli u naħdmu flimkien lejn ekonomija aħjar. Il-fidi tagħna tagħtina l-qawwa, id-direzzjoni u l-fiduċja f’ħidmietna”.