L-għada tal-Milied, il-Ħadd 26 ta’ Diċembru 2010, numru kbir ta’ nies żaru l-Kurja tal-Arċisqof, Floriana, biex iwasslu l-isbaħ xewqat lill-Arċisqof Pawlu Cremona O.P, lill-Isqof Annetto Depasquale u lill-Arċisqof Emeritus Ġuzeppi Mercieca.

Fost dawk li attendew, id-direttur tal-Caritas, Mons. Victor Grech li mexxa grupp ta’ rappreżentanti li jaħdmu mal-familji fil-bżonn fis-servizz tad-djakonija fil-parroċċi. F’kelmtejn tal-okkażjoni, Monsinjur Grech tkellem dwar il-ħidma tal-Caritas biex tikxef il-wiċċ tal-faqar u biex dejjem tkun fuq in-naha tal-fqir u l-batut. Saħaq li għax il-bniedem huwa xbieha ta’ Alla, d-dinjita u d-drittijiet umani tiegħu għandhom dejjem ikunu rispettati.

L-Arċisqof Pawlu Cremona tkellem fuq l-impenn li kull Nisrani għandu ikollu fil-volontarjat soċjali. Huwa fakkar kif anke Ġesu’ fil-ħajja tiegħu kellu mumenti fejn kellu bżonn l-għajnuna tal-oħrajn.L-Arċisqof appella biex il-volontarjat ma jkunx ta’ ftit persuni li jaħdmu fil-Caritas jew fil-kummissjonijiet tad-djakonija, iżda ta’ kull Nisrani. Qal li dan għandu jkun l-kontribut li Knisja trid tagħti fis-sena l-ġdida ddedikata lill-volontarjat.

Il-kor tal-parroċċa tas-Swatar ħa ħsieb janima din l-attivita’ b’kant ferrieħi tal-Milied.

Agħfas fuq ir-ritratt biex tkabbar. Ir-ritratti tal-attivitajiet tal-Arċisqof jistgħu jinxtraw mill-ħanut PHOTOCITY, il-Belt. Tel: 21236723. Email: [email protected]