Meta laqa’ l-Ittri ta’ Kredenzjali ta’ Yves Gazzo, Kap tad-Delegazzjoni tas-Santa Sede għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, il-Papa Benedittu XVI rrefera għall-valuri tal-Unjoni Ewropea li qal li huma “il-frott ta’ storja twila u kumplessa li matulha, wieħed ma jistax jiċħad li l-Kristjaneżmu kellu rwol indispensabbli”.

“Id-dinjita ugwali tal-bniedem, il-liberta tal-espressjoni tal-fidi bħala l-bażi ta’ libertajiet ċivili oħra, il-paċi bħala element deċiżiv għall-ġid komuni, l-iżvilupp uman (intelletwali, soċjali u ekonomiku) fid-dawl tas-sejħa minn Alla u l-għeruq storiċi – huma kollha elementi tar-rivelazzjoni nisranija li tkompli tagħġen iċ-ċivilta Ewropea”, kompla Benedittu XVI.

“Meta l-Knisja semmi l-għeruq insara tal-Ewropa, hi ma tkunx qed tfittex dehra privileġġata. Li tkun qed tagħmel hu li tfakkar l-istorja, l-ewwel u qabel kollox billi tfakkar fil-verita li iktar minn qatt qabel qed tiġi miċħuda – ċioe, l-ispirazzjoni nisranija deċiżiva tal-missirijiet li waqqfu l-Unjoni Ewropea. Hi trid tagħmilha ċara li l-egat tal-valuri  jiġi prinċipalment mill-wirt nisrani, li jkompli jżomm fuq saqajha lill-Unjoni Ewropea llum”, kompla l-Kap tal-Knisja Kattolika.

Il-Papa kompla jenfasizza r-riskju tal-valuri mmanipulati minn individwi u gruppi li jfittxu li l-interessi tagħhom jipprevalu, għad-detriment tal-proġett kollettiv li l-Ewropa u d-dinja kollha tħares lejh b’ottimiżmu, għax jitfiser fil-ġid komuni.