• Il-Vanġelu tal-25 ta’ Lulju

  • Mattew 20, 20-28

    Mbagħad resqet lejh omm ulied Żebedew flimkien ma’ wliedha, u nxteħtet quddiemu titolbu xi ħaġa. “Xi trid?” staqsieha. U hi qaltlu: “Ordna li dawn iż-żewġ uliedi joqogħdu wieħed fuq il-lemin tiegħek u l-ieħor fuq ix-xellug fis-Saltna tiegħek.” U Ġesù wieġeb: “Ma tafux x’intom titolbu. Għandkom ħila tixorbuh il-kalċi li se jkolli nixrob jien?” “Għandna,” qalulu. “Il-kalċi tiegħi,” qalilhom, “tixorbuh, iva, imma li wieħed joqgħod fuq il-lemin jew  ix-xellug tiegħi, din m’hijiex ħaġa li nagħtiha jien, imma hi għal dawk li għalihom hi mħejjija minn Missieri.” L-għaxra l-oħra, meta semgħu dan, inkurlaw għaż-żewġt aħwa. Imma Ġesù sejjħilhom u qalilhom: “Tafu intom, fost il-pagani l-kapijiet qegħdin biex jikkmandawhom, u l-kbarat biex iħaddmu fuqhom is-setgħa. Fostkom ma għandux ikun hekk; imma min irid ikun kbir fostkom, għandu jkun qaddej tagħkom, u min irid ikun l-ewwel fostkom, għandu jkun l-ilsir tagħkom. Hekk ukoll Bin il-bniedem, ma ġiex biex ikun moqdi, imma biex jaqdi u biex jagħti ħajtu b’fidwa għall-kotra.”

    ​Il-Qaddis tal-jum : San Ġakbu, Appostlu