Mark 5,21-43

Wara li Ġesù raġa’ qasam bid-dgħajsa għax-xatt l-ieħor, waqt li kien ħdejn il-baħar inġabret madwaru kotra kbira ta’ nies. U ġie wieħed mill-kapijiet tas-sinagoga, jismu Ġajru. Dan, malli rah, nxteħet f’riġlejh, u talbu ħafna u qallu: “Binti ż-żgħira waslet fl-aħħar; ejja qiegħed idejk fuqha, ħalli tfiq u tgħix.” U Ġesù telaq miegħu, b’kotra kbira miexja warajh, kulħadd iross fuqu. U kien hemm mara li kienet ilha tnax-il sena sħaħ tbati bit-tnixxija tad-demm. Kienet batiet wisq taħt ħafna tobba, u nefqet kull ma kellha, u mhux biss ma swielha xejn, imma talli marret għall-agħar. Meta semgħet b’Ġesù, ġiet qalb il-folla, resqet minn warajh u messitlu l-mantar, għax qalet: “Jekk immiss imqar il-mantar tiegħu nkun imfejjqa.” F’daqqa waħda t-tnixxija tad-demm waqfitilha, u ġewwa fiha ħasset li kienet fieqet mill-marda tagħha. Ġesù minnufih intebaħ bil-qawwa li ħarġet minnu, u dar lejn il-kotra u staqsa: “Min messli l-mantar?” Id-dixxipli tiegħu qalulu: “Qiegħed tara dawn in-nies kollha jrossu madwarek, u tistaqsi: Min messni?” Hu beda jħares madwaru biex jara jilmaħx lil dik li kienet għamlet dan. Mbagħad il-mara, tirtogħod bil-biża’ għax għarfet x’kien ġralha, resqet, nxteħtet f’riġlejh u stqarritlu s-sewwa kollu. “Binti,” qalilha,”il-fidi tiegħek fejjqitek; mur bis-sliem, u kun imfejjqa mill-marda tiegħek.” Kif kien għadu jitkellem, waslu xi wħud mid-dar tal-kap tas-sinagoga u lil dan qalulu: “Bintek mietet; għalfejn tħabbtu iżjed l-Imgħallem?” Iżda Ġesù sama’ x’kienu qegħdin jgħidu, u qal lill-kap tas-sinagoga: “Tibżax, biss inti emmen.” U ma ħalla lil ħadd imur miegħu ħlief lil Pietru, lil Ġakbu, u lil Ġwanni, ħu Ġakbu. Waslu d-dar tal-kap tas-sinagoga, u ra storbju sħiħ u nies jibku u jixhru. Daħal, u qalilhom: “Dan l-istorbju kollu u dan il-biki għalfejn? It-tfajla m’hijiex mejta, imma rieqda.” U qabdu jiddieħku bih. Imma hu keċċiehom ilkoll ‘il barra, ħa miegħu lil missier it-tfajla u lil ommha u lil dawk li kienu miegħu u daħal fejn kienet it-tfajla. Qabdilha idha, u qalilha: “Talitha, qum!” jiġifieri: “Tfajla, qiegħed ngħidlek, qum!” Minnufih it-tfajla qamet u qabdet timxi; għax kellha tnax-il sena. U baqgħu miblugħin bil-għaġeb. U hu wissiehom bis-sħiħ biex dan ma jkun jaf bih ħadd, u qalilhom jagħtuha tiekol.

Il-Qaddis tal-Jum: Santa Brigida