Gwanni 7, 1-2.10.25-30

Wara dan, Ġesù baqa’ jdur fil-Galilija, għax ma riedx joqgħod idur fil-Lhudija billi l-Lhud kienu qegħdin ifittxu li joqtluh. Kienet qorbot għal-Lhud il-festa ta’ l-Għerejjex, Imma wara li ħutu telgħu għall-festa tela’ hu wkoll, mhux  bid-dieher, imma bil-moħbi. Xi wħud min-nies ta’ Ġerusalemm qalu: “Dan m’huwiex dak li qegħdin ifittxuh biex joqtluh? Araw, b’wiċċu minn quddiem qiegħed jitkellem, u ħadd ma hu jgħidlu xejn. Jaqaw tassew li l-kbarat għarfu li dan hu l-Messija? Imma dan nafu minn fejn hu;  il-Messija, meta jiġi, ħadd ma jkun jaf minn fejn ikun ġej.” Ġesù, huwa u jgħallem fit-tempju, għolla leħnu u qal: “Intom lili tafuni, u tafu wkoll minn fejn jien. Jiena ma ġejtx minn rajja, imma hemm wieħed tassew li bagħatni, wieħed li intom ma tafuhx. Jiena nafu, għax jien minn għandu ġej, u kien hu li bagħatni.” Huma fittxew jaqbduh, iżda ħadd minnhom ma medd idejh fuqu, għax is-siegħa tiegħu kienet għadha ma waslitx.

Il-Qaddis tal-jum : San Turibius de Mongrovejo