• Quddies Filgħodu
    San Luqa 1: 67-79

    U Żakkarija, missieru, mtela bl-Ispirtu s-Santu u beda jħabbar u jgħid:

    “Mbierek il-Mulej, Alla ta’ Iżrael,
    għaliex ġie jżur u jifdi l-poplu tiegħu,
    u waqqaf għalina qawwa ta’ salvazzjoni
    f’dar David qaddej tiegħu,
    bħalma wiegħed fl-imgħoddi
    b’fomm il-profeti qaddisin tiegħu,
    biex isalvana mill-għedewwa tagħna,
    u minn idejn dawk kollha li jobogħduna.
    B’hekk juri ħniena ma’ missirijietna
    u jiftakar fil-patt qaddis tiegħu,
    fil-ħalfa li ħalef lil Abraham missierna:
    li jagħtina l-grazzja
    li, wara li jeħlisna minn idejn l-għedewwa tagħna,
    naqduh bla biża’, tul ħajjitna kollha,
    bil-ġustizzja u l-qdusija quddiemu ħajjitna kollha.
    ​U int, tfajjel,
    tissejjaħ profeta ta’ l-aktar Għoli,
    għax tmur qabel il-Mulej
    biex tħejjilu triqatu
    u tgħarraf lill-poplu tiegħu bis-salvazzjoni
    Permezz tal-maħfra ta’ dnubiethom,
    mogħtija mill-qalb ħanina ta’ Alla tagħna,
    li mill-għoli jiġi jżurna bħax-xemx tielgħa;
    u jdawwal lil min jinsab
    fid-dlamijiet u d-dell tal-mewt,
    u jmexxi l-passi tagħna fit-triq tas-sliem.”

    Quddies ta’ Nofs il-Lejl – Solennita’ tat-Twelid tal-Mulej (Il-Milied)
    Luqa 2: 1-14

    F’dik il-ħabta Ċesari Awgustu ħareġ digriet biex isir ċensiment fid-dinja kollha. Dan kien l-ewwel ċensiment li sar meta Kirinu kien gvernatur tas-Sirja. U kulħadd mar biex jinkiteb, kull wieħed fil-belt tiegħu. Ġużeppi wkoll mar mill-Galilija, mill-belt ta’ Nazaret, u tala’ l-Lhudija, fil-belt ta’ David jisimha Betlehem – għax hu kien mid-dar u l-familja ta’ David –  biex jinkiteb flimkien ma’ Marija l-għarusa tiegħu, li kienet tqila. Ġara li, meta kienu hemm, Marija għalqilha ż-żmien biex teħles, u wildet l-ewwel iben tagħha, fisqietu u medditu f’maxtura, għax ma kienx hemm post għalihom fil-lukanda.
     
    F’dawk l-inħawi kien hemm xi rgħajja fir-raba’, għassa mal-merħla tagħhom billejl. U dehrilhom anġlu tal-Mulej, il-glorja tal-Mulej iddiet madwarhom, u qabadhom biża’ kbir. Iżda l-anġlu qalilhom: “Tibżgħux, għax araw, qiegħed inħabbrilkom ferħ kbir, ferħ li se jkun għall-poplu kollu. Illum, fil-belt ta’ David, twildilkom Salvatur, li hu l-Messija, il-Mulej. U bħala sinjal ikollkom dan; issibu tarbija mfisqija u mimduda f’maxtura.”  F’daqqa waħda ngħaqdu ma’ l-anġlu għadd kbir ta’ qtajja’ tas-sema, ifaħħru lil Alla u jgħidu:

         “Glorja lil Alla fl-ogħla tas-smewwiet,
         u sliem fl-art lill-bnedmin li jogħġbu lilu!”

    Qaddis tal-jum: San Delfinu, Isqof