• Mattew 13, 10-17
     

    Resqu lejh id-dixxipli u staqsewh: “Għaliex tkellimhom bil-parabboli?” Hu weġibhom: “Għax lilkom ingħata li tagħrfu l-misteri tas-Saltna tas-Smewwiet; iżda lilhom dan ma kienx mogħti. Għax kull min għandu, jingħatalu, u jkollu żżejjed ukoll; iżda min ma għandux, jitteħidlu saħansitra dak li għandu. Jien għalhekk inkellimhom bil-parabboli; għax iħarsu kemm iħarsu ma jarawx, u jisimgħu kemm jisimgħu ma jifhmux. U hekk isseħħ fihom il-profezija ta’ Isaija li tgħid, ‘Tisimgħu kemm tisimgħu ma tifhmux, u tħarsu kemm tħarsu ma tarawx. Għax il-qalb ta’ dan il-poplu twebbset: kienu tqal biex jisimgħu b’widnejhom, u għalqu għajnejhom li ma jmorrux jaraw b’għajnejhom, u jisimgħu b’widnejhom,  u jifhmu b’moħħhom,  u hekk ibidlu ħajjithom u jiena nfejjaqhom.’ “Intom, iżda, henjin għajnejkom, għax qegħdin jaraw; henjin widnejkom, għax qegħdin jisimgħu. Tassew, ngħidilkom, li bosta profeti u nies ġusti xtaqu jaraw dak li qegħdin taraw intom u ma rawhx, u jisimgħu dak li qegħdin tisimgħu intom u ma semgħuhx!

     
    Il-Qaddis tal-jum: San Sharbel Makhluf