Ġwanni 8,21-30

U Ġesù raġa’ qalilhom: “Jiena mmur, u intom għad tfittxuni, imma għad tmutu fid-dnub tagħkom. Fejn sejjer jien intom ma tistgħux tiġu.” Qalu l-Lhud: “Jaqaw se jneħħi ħajtu b’idejh dan? Għax qal li ‘Fejn sejjer jien intom ma tistgħux tiġu.’ ” Ġesù qalilhom: “Intom minn hawn isfel, u jiena ġej minn hemm fuq. Intom nies ta’ din  id-dinja, imma jien m’iniex ta’ din id-dinja. Kif għedtilkom jien, intom tmutu fi dnubietkom. Għax jekk intom ma temmnux li jiena hu, tmutu fi dnubietkom.” “U int min int?” staqsewh. Weġibhom Ġesù: “Dak li ili ngħidilkom sa mill-bidu. Għandi ħafna xi ngħid fuqkom u x’nikkundanna fikom; iżda dak li bagħatni jgħid il-verità, u jiena ngħid lid-dinja dak li smajt mingħandu.” Huma ma ntebħux li kien qiegħed ikellimhom fuq il-Missier. Għalhekk Ġesù qalilhom: “Meta terfgħu ‘l fuq lil Bin il-bniedem, mbagħad tagħrfu li jiena hu u li minn rajja ma nagħmel xejn, imma li nitkellem skond ma għallimni l-Missier. U min bagħatni huwa miegħi, ma telaqnix waħdi, għax jiena dejjem nagħmel dak li jogħġob lilu.” Meta tkellem hekk, kienu ħafna dawk li emmnu fih.

Il-Qaddis tal-jum: San Gwann tal-Egittu