• Il-Vanġelu tal-jum – 30 ta’ Marzu

  • Gwanni 9,1-41

    Kif kien għaddej, lemaħ raġel agħma minn twelidu, u d-dixxipli tiegħu staqsewh: “Rabbi, dan twieled agħma għax dineb hu stess, jew għax dinbu l-ġenituri tiegħu?” Ġesù wieġeb: “Mhux għax dineb hu jew il-ġenituri tiegħu, imma ġralu hekk biex l-għemil ta’ Alla jidher fih. Sakemm għadu binhar, jeħtiġilna nagħmlu  x-xogħol ta’ dak li bagħatni, għax jasal il-lejl meta ħadd ma jkun jista’ jaħdem. Sakemm għadni fid-dinja, jiena hu d-dawl  tad-dinja.” Kif qal dan, beżaq fl-art, għamel minnu qisu tajn, u dilek bih għajnejn ir-raġel agħma. U qallu: “Mur inħasel  fil-menqgħa ta’ Silwam.” Din tfisser ‘il-Mibgħut’. Mela dak mar, nħasel u ġie jara. Il-ġirien u dawk li s-soltu kienu jarawh, għax hu kien tallab, qalu: “Dan m’huwiex dak li kien joqgħod bilqiegħda jittallab?” Xi wħud qalu: “Iva, hu.” Oħrajn qalu: “Le, imma jixbhu.” Iżda hu qalilhom: “Jiena hu.” Qalulu: “Mela kif infetħulek għajnejk?” Weġibhom: “Wieħed raġel, jgħidulu Ġesù, għamel ftit tajn, dilikli għajnejja bih, u qalli, ‘Mur fis-Silwam u nħasel hemm.’ Mort, nħsilt, u ġejt nara.” Qalulu: “Fejn huwa dan ir-raġel?” Qalilhom: “Ma nafx.” Lil dan il-bniedem li fl-imgħoddi kien agħma ħaduh għand  il-Fariżej. Issa dak in-nhar li Ġesù għamel it-tajn u fetaħ għajnejn l-agħma inzerta kien is-Sibt. Il-Fariżej ukoll staqsew mill-ġdid lill-agħma kif sar jara. U hu qalilhom: “Qegħedli ftit tajn fuq għajnejja, mort ninħasel, u issa qiegħed nara.” Xi wħud  mill-Fariżej qalu: “Dan il-bniedem m’huwiex ġej mingħand Alla, għax ma jħarisx is-Sibt.” Iżda oħrajn qalu: “Kif jista’ wieħed midneb jagħmel sinjali bħal dawn?” U ma qablux bejniethom. U reġgħu qalu lill-agħma: “Int x’jidhirlek minnu, issa li fetaħlek għajnejk?” Qalilhom: “Dak profeta.” Il-Lhud ma ridux jemmnu li hu kien agħma u ħa  d-dawl qabel ma bagħtu għall-ġenituri ta’ dak li sar jara, u staqsewhom: “Dan, li intom qegħdin tgħidu li twieled agħma, dan binkom? Mela issa kif ġie jara?”  Il-ġenituri tiegħu wieġbu u qalulhom: “Nafu li dan hu t-tifel tagħna u li twieled agħma; imma kif issa ġie jara, dan ma nafuhx, u anqas ma nafu min fetaħlu għajnejh. Staqsu lilu, żmien għandu; ħa jitkellem hu għalih innifsu.” Il-ġenituri tiegħu wieġbu hekk għaliex beżgħu  mil-Lhud, għax il-Lhud kienu ġa ftiehmu bejniethom li jekk xi ħadd jistqarr li Ġesù hu l-Messija, isib ruħu barra mis-sinagoga. Kien għalhekk li l-ġenituri tiegħu wieġbu, ‘Żmien għandu, staqsu lilu.’ Għal darb’oħra reġgħu bagħtu għal dak li kien agħma u qalulu: “Agħti glorja lil Alla! Aħna nafu li dan il-bniedem huwa midneb.” Dak weġibhom: “Jekk hux midneb ma nafx; ħaġa waħda naf: li jien kont agħma u issa qiegħed nara.” Qalulu: “Imma hu x’għamillek? Kif fetaħhomlok għajnejk?” U hu weġibhom: “Ġa għedtilkom u ma smajtux! Xi tridu tisimgħu iżjed? Jaqaw tridu intom ukoll issiru dixxipli tiegħu?” U qabdu jgħajjruh u qalulu: “Dak int dixxiplu tiegħu! Aħna ta’ Mosè dixxipli! Aħna nafu li lil Mosè kellmu Alla, imma dan ma nafux minn fejn hu!” Weġibhom ir-raġel u qalilhom: “Sewwa! Hawn qiegħed l-għaġeb, li intom ma tafux minn fejn inqala’, u madankollu lili fetaħli għajnejja! Aħna nafu li Alla m’hux se jisma’ lill-midinbin; iżda mbagħad jekk wieħed ikun iqim lil Alla u jagħmel ir-rieda tiegħu, lil dan jisimgħu. Qatt fid-dinja ma nstema’ li xi ħadd fetaħ għajnejn wieħed agħma  mit-twelid. Li kieku dan ma kienx ġej mingħand Alla, xejn ma kien ikollu ħila jagħmel.” Mbagħad qabżu u qalulu: “Int se tgħallem lilna, int li twelidt dnubiet waħdek?” U keċċewh ‘il barra Ġesù sama’ li keċċewh ‘il barra; sabu u qallu: “Temmen inti f’Bin il-bniedem?” Dak wieġeb u qallu: “Min hu, Mulej, biex nemmen fih?” Qallu Ġesù: “Mhux biss rajtu, imma huwa dak stess li qiegħed ikellmek.” Qallu: “Nemmen, Mulej!” U nxteħet għarkubbtejh quddiemu. Mbagħad Ġesù qal: “Jien ġejt fid-dinja biex nagħmel ħaqq, biex min ma jarax isir jara, u min jara jagħma.” Xi wħud mill-Fariżej li kienu hemm madwaru semgħuh jgħid dan u staqsewh: “Aħna wkoll għomja?”  Weġibhom Ġesù: “Li kieku kontu għomja, ma kontux tkunu ħatja ta’ dnub. Imma issa qegħdin tgħidu, ‘Aħna naraw.’ Mela d-dnub tagħkom għadu fuqkom.”