Ġwann 1,1-18

Fil-bidu kien il-Verb, u l-Verb kien ma’ Alla, u l-Verb kien Alla. Hu kien fil-bidu ma’ Alla. Kollox bih sar, u xejn ma sar mingħajru; kull ma sar kellu l-ħajja fih, u l-ħajja kienet id-dawl tal-bnedmin. Id-dawl jiddi fid-dlam, imma d-dlam ma għelbux. Kien hemm raġel mibgħut minn Alla, jismu Ġwanni. Dan ġie bħala xhud, biex jixhed għad-dawl, biex bih kulħadd jemmen. Ġwanni ma kienx id-dawl, imma ġie biex jixhed għad-dawl, dak id-dawl veru, li jdawwal kull bniedem, huwa u ġej fid-dinja. Kien fid-dinja, u d-dinja saret bih,  imma d-dinja ma għarfitux. Ġie f’daru, u niesu ma laqgħuhx. Imma lil dawk li laqgħuh tahom is-setgħa li jsiru wlied Alla, dawk li jemmnu f’ismu, li twieldu mhux bid-demm, anqas mill-ġibda tal-ġisem, u anqas mir-rieda tal-bniedem, iżda minn Alla. U l-Verb sar bniedem u għammar fostna, u aħna rajna l-glorja tiegħu, il-glorja li għandu mill-Missier bħala Ibnu l-waħdieni, mimli bil-grazzja u l-verità. Ġwanni ta xhieda fuqu meta għajjat u qal: “Dan hu li għalih għedtilkom,  ‘Jiġi warajja, imma hu aqwa minni,  għax kien minn qabli.’ “Għax mill-milja tiegħu aħna lkoll ħadna, grazzja fuq grazzja. Alla ta l-Liġi permezz ta’ Mosè imma l-grazzja u l-verità seħħu permezz ta’ Ġesù Kristu. Lil Alla għadu ħadd ma rah; imma għarrafhulna l-Iben il-waħdieni ta’ Alla, li hu fi ħdan il-Missier.

Il-Qaddis tal-jum: San Silvestru