• Is-27 Ħadd ta’ matul is-sena
    Mattew 21, 33-43
     

    “Isimgħu parabbola oħra: Kien hemm wieħed, sid ta’ għalqa, u ħawwilha bid-dwieli; tellgħalha ħajt tas-sejjieħ madwarha, ħaffer magħsar fiha, u bnielha torri; u qabbilha lil xi bdiewa. U siefer f’art oħra. Meta wasal żmien il-frott, bagħat il-qaddejja tiegħu għand dawk il-bdiewa biex jiġbrulu l-frott li kien imissu. Iżda l-bdiewa qabdu lill-qaddejja, u lil wieħed sawwtuh, lil ieħor qatluh, u lil ieħor ħaġġruh. Reġa’ bagħtilhom qaddejja oħra, aktar minn qabel, u għamlulhom l-istess. Fl-aħħar bagħtilhom lil ibnu. ‘Minn ibni jistħu,’ qal. Iżda kif raw lil ibnu l-bdiewa bdew jgħidu bejniethom, ‘Ara l-werriet! Ejjew noqtluh, biex il-wirt tiegħu niħduh aħna.’ Qabduh, xeħtuh ‘il barra mill-għalqa u qatluh. Issa sid l-għalqa x’jagħmlilhom lil dawk il-bdiewa meta jiġi?” Qalulu: “Jeqridhom bla ħniena, ta’ ħżiena li huma, u  l-għalqa jqabbilha lil bdiewa oħra li jroddulu l-frott fi żmienu.” Qalilhom Ġesù: “Qatt ma qrajtu fl-Iskrittura li ‘Il-ġebla li warrbu l-bennejja saret il-ġebla tax-xewka: bis-saħħa tal-Mulej seħħ dan: ħaġa ta’ l-għaġeb f’għajnejna’? Għalhekk ngħidilkom li s-Saltna ta’ Alla tittieħed mingħandkom u tingħata lil ġens li jagħmel il-frott minnha.