• Is-17 il-Ħadd ta’ Matul is-Sena

    Mattew 13, 44-52

    “Is-Saltna tas-Smewwiet tixbah lil teżor moħbi f’għalqa, li wieħed raġel isibu u jaħbih, u kollu ferħan imur ibigħ kull ma jkollu u jixtri dik l-għalqa.” “Tixbah ukoll is-Saltna tas-Smewwiet lil wieħed neguzjant ifittex ġawhar fin; meta sab ġawhra tiswa ħafna, mar biegħ kull ma kellu u xtara lilha.” “Tixbah ukoll is-Saltna tas-Smewwiet lil xibka mitfugħa l-baħar li fiha jinġabar minn kollox. Meta timtela jtellgħuha x-xatt, u joqogħdu bilqiegħda, jiġbru fil-kannestri dak li jkun tajjeb u jarmu l-ħażin. Hekk jiġri fi tmiem id-dinja: l-anġli joħorġu jifirdu l-ħżiena mill-ġusti, u jixħtuhom fil-ħuġġieġa tan-nar; hemmhekk ikun hemm il-biki u t-tgħażżiż tas-snien. “Kollu fhimtuh dan?” “Iva” qalulu. U hu qalilhom: “Għalhekk kull kittieb li jkun sar dixxiplu tas-Saltna tas-Smewwiet jixbah lil wieħed sid li, mill-ħażna tiegħu, joħroġ sew il-ġdid u sew il-qadim.”