Luqa 7, 1-10

Meta spiċċa jgħid lin-nies kull ma kellu jgħidilhom, daħal Kafarnahum. U jkun hemm ċenturjun li kellu qaddej għażiż ħafna għalih, li kien marid u wasal fl-aħħar. Iċ-ċenturjun sama’ b’Ġesù u bagħatlu xi wħud mix-xjuħ tal-Lhud biex jitolbuh jiġi jfejjaqlu l-qaddej. Dawk marru quddiem Ġesù u bdew jitolbuh b’ħerqa kbira u jgħidulu: “Jixraqlu li tagħmillu dan, għax hu jgħożż il-ġens tagħna, u kien hu li bnielna s-sinagoga.” Ġesù mar magħhom, u ma kienx ‘il bogħod wisq mid-dar meta ċ-ċenturjun bagħat jgħidlu ma’ xi ħbieb: “Sinjur, toqgħodx tinqala’, għax jien ma jistħoqqlix li tidħol taħt is-saqaf tiegħi; għalhekk ħassejt li anqas kien jistħoqqli niġi nsibek jiena stess. Imma int ordna b’kelma, u l-qaddej tiegħi jfiq. Għax jien ukoll bniedem taħt is-setgħa ta’ ħaddieħor, u jiena stess għandi suldati taħt il-kmand tiegħi; lil wieħed ngħidlu, ‘Mur,’ u jmur; lil ieħor ngħidlu, ‘Ejja,’ u jiġi; u lill-qaddej ngħidlu, ‘Agħmel dan,’ u jagħmlu.” Ġesù baqa’ mistagħġeb bih meta sama’ dan; dar lejn in-nies li kienu miexja warajh u qalilhom: “Ngħidilkom li anqas f’Iżrael ma sibt fidi bħal din!” Meta mbagħad dawk li kienu mibgħuta reġgħu lura d-dar, sabu l-qaddej qawwi u sħiħ.

Il-Qaddis tal-jum: San Robert Bellarmine