Luqa 8, 4-15

Nġemgħet kotra kbira ta’ nies li kienu ġejjin lejh minn kull belt, u hu qalilhom din il-parabbola: “Wieħed bidwi ħareġ jiżra’ ż-żerriegħa li kellu. Huwa u jiżra’, xi żerrigħat waqgħulu mal-mogħdija u ntrifsu, u l-għasafar ta’ l-ajru naqqruhom kollha.  Oħrajn waqgħu fuq il-blat, u nibtu u nixfu, għax tira ma kellhomx. Oħrajn waqgħu qalb ix-xewk, u x-xewk kiber magħhom u ħonoqhom. Oħrajn waqgħu f’art tajba, u nibtu u għamlu l-frott kull waħda mija.” Kif qal dan, rafa’ leħnu u qal: “Min għandu widnejn biex jisma’, ħa jisma’!” Id-dixxipli tiegħu staqsewh x’kienet dik il-parabbola. U hu qalilhom: “Lilkom ingħata li tagħrfu l-misteri tas-Saltna ta’ Alla, iżda lill-bqija bil-parabboli, biex iħarsu u ma jarawx, u jisimgħu u ma jifhmux. “Il-parabbola, mela, hija din; iż-żerriegħa hi l-kelma ta’ Alla. Dawk ta’ matul il-mogħdija huma dawk li jisimgħu, mbagħad jiġi x-Xitan u jaħtfilhom il-kelma minn qalbhom, li ma jmorrux jemmnu u jsalvaw. Dawk ta’ fuq il-blat huma dawk li, meta jisimgħu l-kelma, jilqgħuha bil-ferħ, iżda billi ma jkollhomx għeruq jemmnu għal ftit taż-żmien, u meta jiġi fuqhom it-tiġrib jitilqu. Dawk li jaqgħu qalb ix-xewk huma dawk li jisimgħu, iżda aktar ‘il quddiem l-inkwiet żejjed u l-għana u l-pjaċiri tal-ħajja joħonquhom u  l-frott tagħhom ma jsirx. Imma dawk li jaqgħu f’art tajba huma dawk li jisimgħu l-kelma b’qalb tajba u sinċiera, jgħożżuha, u jagħmlu  l-frott billi jżommu sħiħ.

Il-Qaddis tal-jum: San Mawrizju