Photo by Pixabay

L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

“Kulħadd imtela bil-korla” (Lq 4:28). Dan hu li naqraw fl-Evanġelju skont San Luqa fuq dawn in-nies li fis-sinagoga kienu qegħdin jisimgħu lil Ġesù. Hu jitkellem, u dawn in-nies jirrabjaw. Ma kienx biss li rrabjaw, jew forsi qalu xi kelma ta’ rabja, imma dawn saru vjolenti.  Lil Ġesù ħarġuh, ħaduh fuq xifer ta’ rdum ta’ għolja li fuqha kienet mibnija l-belt, u riedu jixħtuh minn hemm fuq għal isfel. Ma rnexxilhomx dak inhar, imma hekk xtaqu huma, xtaqu li jeliminawh.

Għaliex din ir-rabja kollha? Mistoqsija li hija akbar, għax ftit versi qabel f’dan l-istess Evanġelju, dwar dawn in-nies li kienu qed jisimgħu lil Ġesù, l-Evanġelista jgħid li kienu qegħdin jisimgħuh meta kien qed jitkellem fil-bidu fis-sinagoga, u “laqgħu kliemu u stagħġbu għall-kliem mimli ħlewwa li kien ħiereġ minn fommu” (Lq 4:22). Mela filli jilqgħuh u jistagħġbu, u f’daqqa waħda qisha taqbżilhom, irrabjaw u riedu joqtluh, riedu jeliminawh.  

X’ġara? Nindunaw l-għaliex meta naraw il-kliem ta’ Ġesù; hawnhekk, fil-bidu tal-ministeru tiegħu, qed jgħid xi ħaġa tant importanti għall-ħidma tiegħu kollha. Qed jgħidilhom li Alla hu Alla ta’ kulħadd; mhux ta’ xi razza, jew ta’ xi nazzjon, jew ta’ xi nies jew grupp partikulari. Alla hu Alla ta’ kulħadd. Dan hu li jrid iwassal Ġesù, u dan hu li tahom ġewwa. Ġesù ried jgħid din il-verità hekk importanti, u nafu li bħalma jgħidu t-Taljani, u ngħiduha bħalhom bil-Malti, kultant il-verità toffendi. Għalhekk din ir-reazzjoni kbira tagħhom.

Imma Ġesù jgħidilhom: “Ebda profeta ma jilqgħuh tajjeb f’pajjiżu” (Lq 4:24). Qed jgħid xi ħaġa li diġà, fl-Evanġelju skont San Ġwann, insibuha fil-bidu nett, fil-Prologu, meta jitkellem fuq l-Iben ta’ Alla li sar bniedem, u jgħid: “Ġie f’daru u niesu ma laqgħuhx” (Ġw 1:11). Nafu li din il-ġrajja tal-lum diġà qisha tħabbar dak li kellu jseħħ fl-aħħar tal-ħidma ta’ Ġesù, meta sallbuh u qatluh niesu stess.  Hawnhekk ma rnexxilhomx, imma snin wara hekk spiċċa Ġesù – spiċċa msallab u maqtul għax fittex li jagħmel ir-rieda ta’ Alla.

Dan hu li jolqotna ħafna f’Ġesù: li hu qatt ma fittex il-kliem li jingħoġob, imma fittex li jgħid dak li hu veru, dak li ried minnu Alla. Għalhekk għadda minn xiex għadda.  Għalina, dan hu messaġġ importanti ħafna għall-ħajja tagħna. Aħna għarafna lil Ġesù bħala s-salvatur tagħna, ta’ kull wieħed u waħda minna. Ġesù jħeġġiġna biex aħna nimxu warajh, anke jekk il-kurrent ma jwassalx lejh, ma jiħux lejh. Biex aħna nagħrfu nimxu warajh, għaliex hu t-triq, il-verità u l-ħajja. Meta nimxu warajh, nagħrfu li mexjin fit-triq it-tajba anke jekk kultant ikollna nbatu bħalma bata hu.

Nitolbu llum lill-Mulej biex ikompli dejjem jispirana fil-ħajja tagħna, jgħinna biex nimxu warajh, ħalli bħalu nfittxu li nagħmlu r-rieda ta’ Alla, anke jekk hu ġie msallab għax fittex li jagħmel ir-rieda ta’ Alla. Nadurawk, O Ġesu, u nberkuk għax b’salibek u l-mewt tiegħek inti fdejtna.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju