Bejn l-2010 u l-2022, Din l-Art Ħelwa mexxiet il-proġett ta’ restawr tal-Knisja ta’ Sarria fil-Furjana u s-seba’ pitturi ta’ Mattia Preti li hemm fiha.

Il-Kardinal Mario Grech żar il-knisja nhar it-Tlieta filgħaxija u bierek it-tlestija ta’ dan il-proġett ta’ restawr, li sar grazzi għall-appoġġ ta’ Shireburn Software Ltd, l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, Middlesea Insurance Ltd., Sparkasse Bank Malta Ltd u r-Rotary Clubs ta’ Palermo u Malta.

Il-Knisja ta’ Sarria tmur lura għas-snin bikrija tal-Ordni ta’ San Ġwann f’Malta, u hi msemmija għal Martino de Sarria, kavallier minn Navarra li fl-1585 bena kappella ċkejkna li hu semma Cappella Sarria. Fl-1690 l-Ordni ddeċieda li jibni l-kappella mill-ġdid b’radd il-ħajr għal tmiem il-pesta ta’ erba’ snin qabel li qatlet ‘il fuq minn 8,000 ruħ.

Id-disinn tal-kappella, li hi ddedikata lill-Immakulata Kunċizzjoni, sar minn Mattia Preti nnifsu, waqt li x-xogħol tal-bini tmexxa mill-arkitett Lorenzo Gafà.

Il-qaddis Malti Dun Ġorġ Preca kien spiss ilaqqa’ s-soċji tiegħu fil-Knisja ta’ Sarria.

Sors: Newsbook.com.mt