L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

Insellem minn qalbi lill-Arċipriet u lill-kanonċi li jiffurmaw l-ewwel Kapitlu ta’ din il-Kolleġġjata tal-Parroċċa tan-Naxxar, u lilkom ilkoll preżenti għal din l-okkażjoni sabiħa. Hi ġurnata storika u sabiħa fl-istorja twila ta’ din il-parroċċa – in-Naxxar kienet diġà waħda mill-għaxar parroċċi li kien hawn f’Malta fl-1436.

Aħna u niftakru fl-Istorja, nagħrfu d-dmir ta’ din il-Kolleġġjata ġdida li tħares il-patrimonju artistiku u kulturali, għax hu wirt tal-poplu tul is-snin, wirt ta’ pajjiżna. Meta nħarsuh, inkunu qed inħarsu l-memorja storika li tant hi importanti. Fl-istess waqt li nħarsu dan, irridu niftakru li l-ikbar patrimonju hu l-għajxien tal-fidi, l-għajxien tal-Evanġelju. Huwa dan li jgħinna ngħixu l-ispirtu ta’ Kristu.

Fejn infittxu l-għaxqa tagħna

Nixtieq li nikkwota silta mill-ktieb tal-qaddis Malti San Ġorġ Preca, bl-isem Is-Sakrarju tal-Ispirtu ta’ Kristu. Hu jgħid hekk: “Hija verità għall-iskulari ta’ Kristu li l-unuri, il-ħsejjes, il-glorja tad-dinja u l-frugħat tagħha, u l-istimi tagħha huma tfixkil serju għal min jixtiqhom, għal min ifittixhom, għal min jaħdem għalihom, u dan it-tfixkil isakkar il-qalb tal-bniedem b’mod li fiha ma jistax jidħol l-ispirtu ta’ Kristu.”

Insemmi dan il-kliem mimli għerf ta’ San Ġorġ Preca għax jien konvint li ħadd minnkom li qegħdin hawn ma tgħaddilu minn moħħu li t-twaqqif ta’ kolleġġjata, b’numru ta’ kanonċi ġodda, hi kwestjoni ta’ unur u glorja u frugħat tad-dinja. Kieku nġbarna għal dan, lanqas ħaqq il-biċċa xogħol f’dan iż-żmien ta’ pandemija!

Imma San Ġorġ Preca jgħid xi ħaġa li importanti nirriflettu fuqha fiċ-ċelebrazzjoni tal-lum. Jgħid li dan kollu hu tfixkil li jsakkar il-qalb tal-bniedem u fiha ma jkunx jista’ jidħol l-ispirtu ta’ Kristu. Kien jaf sew li t-tentazzjoni kultant tkun li, flok fil-Mulej, aħna nfittxu l-għaxqa tagħna f’titli u onorifiċenzi. Dawn jistgħu jidhru li se jagħtuna ħafna ferħ, jidhru qishom l-għaxqa tagħna; imma mbagħad nintebħu li jekk aħna nibnu ħajjitna fuqhom, inkunu bnejna fuq ir-ramel. Il-ħajja turina li iktar milli jimlew ħajjitna, dawn joħolqu vojt kbir li rridu l-ħin kollu nibdew imbagħad nimlew b’xi ħaġa ġdida, ikbar u aħjar. Kif jgħid San Ġorġ Preca, inkunu qed insakkru l-qalb tagħna b’mod li fih ma jkunx jista’ jidħol l-ispirtu ta’ Kristu.

Il-motto tan-Naxxar hu ‘Prior credidi’ – ‘L-ewwel li emmint’ – u għalhekk intom l-ewwel li emmintu għandkom responsabbiltà partikulari li tkunu l-ewwel li tagħtu xhieda ta’ din il-fidi u tgħixu l-komunjoni tagħkom biex issaħħu l-fidi.

L-ispirtu ta’ komunjoni

Xi tfisser kolleġġjata? U kif għandha tkun miftuħa u mhux imsakkra għall-ispirtu ta’ Kristu? Kolleġġjata tfisser li jkun hemm komunità ta’ saċerdoti li jitolbu flimkien, li jiċċelebraw il-Liturġija tal-Knisja flimkien, u jaħdmu flimkien. L-enfasi hija fuq il-kelma ‘flimkien’ u malajr tindunaw li l-ispirtu veru ta’ kolleġġjata hu dak li Ġesù Kristu nnifsu talab b’insistenza fl-Aħħar Ċena, il-silta li għadna kif smajna minn San Ġwann, li hi fil-fatt l-iktar talba li rrepeta fl-Aħħar Ċena – biex id-dixxipli jkunu lkoll ħaġa waħda. Is-sens ta’ fraternità saċerdotali hu s-sens l-iktar profond ta’ kolleġġjata.

Ġesù jfisser kif id-dixxipli jkunu ħaġa waħda – “Kif inti fija, Missier, u jiena fik, ħa jkunu huma wkoll ħaġa waħda fina”. Hu t-talb flimkien li jgħin biex dawk li jiffurmaw il-kolleġġjata jkunu ħaġa waħda ma’ Alla u ma’ xulxin.

Ġesù jgħid ukoll li jkunu ħaġa waħda “biex id-dinja temmen li inti bgħattni”. Għalhekk jekk ikun hemm tassew l-ispirtu ta’ komunjoni, dan ikun qed isaħħaħ il-fidi tan-nies fi Kristu ħaj. Aħna nafu li l-motto tan-Naxxar hu ‘Prior credidi’ – ‘L-ewwel li emmint’ – u għalhekk intom l-ewwel li emmintu għandkom responsabbiltà partikulari li tkunu l-ewwel li tagħtu xhieda ta’ din il-fidi u tgħixu l-komunjoni tagħkom biex issaħħu l-fidi.

Dan hu l-ispirtu ta’ Kristu, u dan hu li qed jitlob minn din il-kolleġġjata ġdida. Qed jitlob li intom tkunu xhieda tal-ħajja ta’ Alla, xhieda ta’ komunjoni għall-parroċċi u l-komunitajiet l-oħra f’Malta.

L-ispirtu ta’ qadi

L-ispirtu ta’ komunjoni jesprimi ruħu wkoll fil-qadi kif uriena Ġesù. Kultant aħna nużaw il-kelma ‘elevata’ – ngħidu, pereżempju, li din il-knisja ġiet elevata għal kolleġġjata, fis-sens ta’ merfugħa ’l fuq. Imma, kif ifakkarna tajjeb Papa Franġisku, hu f’sens wieħed li nistgħu nitkellmu bħala Nsara u nitkellmu tajjeb dwar li tkun elevat: Ġesù merfugħ fuq is-salib. Iktar ma nkunu elevati miegħu hemmhekk, iktar nilħqu l-iskop tagħna.

Innutaw kif fuq fomm Ġesù qatt ma kien hemm il-kelma ‘supremazija’, ‘dominanza assoluta’, ‘ħadd mhu kbir daqsna’. Qed insemmi kliem li kultant jintuża anke, pereżempju, f’kuntest ta’ festi reliġjużi. Dan mhux biss ma kienx fuq fomm Ġesù, imma kien kliem li Ġesu fuq is-salib ġieb fix-xejn u wera kemm hu kliem ukoll redikolu fuq fomm min hu Nisrani…

Mill-bqija Ġesù mhux biss ma elevax ruħu, ma ntrafax ’il fuq mill-oħrajn, imma niżel jaħsel saqajn id-dixxipli biex jurihom li kif għamel hu, hekk għandhom jagħmlu huma wkoll. Hemm tkun kolleġġjata skont l-ispirtu ta’ Kristu, meta tkun għall-qadi tal-oħrajn, speċjalment ta’ dawk li huma l-aktar dgħajfa, tal-vulnerabbli, tal-foqra, tal-emarġinati, ta’ dawk bla leħen.

Tindunaw kemm l-ispirtu ta’ Kristu – ta’ komunjoni u ta’ qadi – hu kontra dak li kultant nehdew fih aħna l-bnedmin. Innutaw kif fuq fomm Ġesù qatt ma kien hemm il-kelma ‘supremazija’, ‘dominanza assoluta’, ‘ħadd mhu kbir daqsna’. Qed insemmi kliem li kultant jintuża anke, pereżempju, f’kuntest ta’ festi reliġjużi. Dan mhux biss ma kienx fuq fomm Ġesù, imma kien kliem li Ġesu fuq is-salib ġieb fix-xejn u wera kemm hu kliem ukoll redikolu fuq fomm min hu Nisrani, u kemm mhux floku li n-nies jifirħu b’dak li hu eżatt il-kontra tal-ispirtu ta’ Kristu.

Il-ħarsa tagħna lejn Marija

Nistieden għalhekk lilkom, bħala Kapitlu ġdid f’din il-Parroċċa ddedikata lil Marija Bambina, biex tħarsu lejn Marija li hija l-aqwa mudell tal-ispirtu ta’ komunjoni u qadi. Hi kienet preżenti fil-Knisja fil-bidu tagħha, hi preżenti fil-Knisja llum; hi preżenza li tgħaqqad flimkien lid-dixxipli, hi u titlob magħhom. Hi dik li turi kif tkun qaddej – il-qaddejja tal-Mulej li timxi skont kelmtu.

Nafdaw f’idejn Marija din il-Kolleġġjata ġdida u nitolbuha, f’dan il-jum għażiż, li tkun hi li tgħinna lkoll biex ngħixu s-sejħa tagħna fil-ħajja bl-ispirtu ta’ Kristu, u qatt ma nsakkru qalbna għal dan l-ispirtu ta’ Kristu.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju