L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

Tletin sena ilu bħal-lum konna fl-Konkatidral ta’ San Ġwann fejn ġejna ordnati saċerdoti mill-Arċisqof Ġużeppi Mercieca. Illum għandna f’qalbna gratitudni kbira lejn Alla u lejn dawk kollha li waqfu magħna tul is-snin kollha ta’ ħajja saċerdotali.

Nixtieq li, ispirati mill-Kelma ta’ Alla, naħsbu fuq dak li jgħidilna l-Mulej fuq kif nistgħu naqdu b’mod sabiħ il-ministeru saċerdotali. Insemmi tliet punti li l-Papa Franġisku, f’dawn l-aħħar xhur speċjalment, semmiehom kemm-il darba u sejħilhom “karatteristiċi tal-istil ta’ Alla”, jiġifieri tal-mod kif Alla jaħdem fil-ħajja tal-bniedem. Insemmi t-tliet kelmiet li se ngħidhom kif jgħidhom hu: “viċinanza, kompassjoni, tenerezza”. Dawn narawhom ħafna fil-ħajja ta’ Ġesù u jispikkaw b’mod speċjali fir-rakkont li smajna llum mill-Evanġelju skont San Mattew.

Viċinanza

L-ewwel nett, “viċinanza”. Alla hu qrib il-bniedem. Lil Ġesù dejjem narawh qalb il-poplu, mhux maqtugħ f’xi post għalih, u dejjem speċjalment qalb dawk li huma fil-bżonn, il-morda, dawk li għaddejjin minn tbatija, dawk li tilfu lil xi ħadd għażiż għalihom, dawk li huma emarġinati u mwarrbin. Hi preżenza qalb in-nies, u speċjalment qalb dawk l-aktar fil-bżonn.

Li wriena Ġesù hu li hu preżenti għal kulħadd. Hu ma jagħmilx separazzjoni bejn min hu importanti, u min mhuwiex meqjus importanti. F’din is-silta, l-ewwel ma jmur fuqu u jinxteħet f’riġlejh hu “wieħed mill-kapijiet”, biex iqajjem għall-ħajja lil bintu li kienet għadha kif mietet. U Ġesù beda miexi miegħu biex imur ħalli jagħti l-ħajja lil bintu. Fit-triq, minn wara, tmisslu t-tarf tal-libsa mara li kienet ilha tnax-il sena marida, u qalet “imqar jekk immiss tarf il-libsa tiegħu, infiq”. U Ġesù waqaf jitkellem ma’ din il-mara, għaliex għal Ġesu kemm it-tifla ta’ wieħed mill-kapijiet kif ukoll din il-mara, meqjusa “ordinarja” u li lanqas nafu isimha, it-tnejn huma importanti, it-tnejn jiswew, għax għal Alla kulħadd hu importanti, kull bniedem jiswa.

F’dan għandna ħafna x’nitgħallmu għax hu ta’ ispirazzjoni għalina fil-ħajja saċerdotali. Aħna msejħin biex, kif jgħidilna l-Papa Franġisku, inkunu qalb in-nies, qalb dawk speċjalment li huma fil-bżonn, biex inkunu għalihom ta’ wens; u biex inkunu ta’ kulħadd, mhux ta’ xi ħadd li hu importanti u nagħtu l-ġenb lil min mhuwiex. Aħna saċerdoti għal kulħadd, aħna saċerdoti għall-poplu kollu.

Kompassjoni

It-tieni kelma li jsemmi l-Papa Franġisku hi “kompassjoni”, jiġifieri li inti tbati ma’ ħaddieħor. Ġesù fil-ħajja kollha tiegħu – u tidher ħafna f’din is-silta – iħoss, jimpurtah, jagħti kas, jieqaf bi mħabba ma’ min qed ibati. F’din is-silta tolqotna kif dik il-mara li marret minn wara biex tmisslu tarf il-mantar ħa tfiq ma kellhiex f’moħħha, jew fittxet, li tiltaqa’ miegħu, li tkellmu. Imma Ġesù hekk fittex – li jiltaqa’ magħha u li jkellimha. Fittex li ma jħallihiex biss bil-fejqan li ġie għax misset tarf il-libsa, imma li jieqaf jitkellem magħha, li jaqsam it-tbatija tagħha, biex ifejjaqha, jinkoraġġiha, biex isaħħaħha fil-fidi tagħha. Dan hu Ġesù li dejjem naraw fih kompassjoni kbira.

Aħna saċerdoti għal kulħadd, aħna saċerdoti għall-poplu kollu.

F’dan ukoll, lilna s-saċerdoti, Ġesù hu ta’ eżempju sabiħ ħafna, biex aħna wkoll naqsmu man-nies il-ħajja tagħhom, speċjalment il-mumenti iebsa tal-ħajja tagħhom, meta jridu appoġġ u solidarjetà. Kemm saċerdoti jagħmlu dan! U jagħmlu dan fis-skiet, b’mod li jaf Alla biss bil-ħidma tagħhom. Din hi l-glorja tal-Knisja – ta’ saċerdoti, reliġjużi u tant lajċi li jaħdmu b’dan l-ispirtu ta’ Ġesù. Għalhekk f’dan jgħallimna ħafna Ġesù, hu l-mod sabiħ kif naqdu l-ministeru saċerdotali billi nkunu nies ta’ kompassjoni mal-oħrajn.

Tenerezza

It-tielet karatteristika “tal-istil ta’ Alla”, kif isejħilha l-Papa, hi t-“tenerezza”, jiġifieri l-għożża, il-ħlewwa, il-ġentilezza, dik li tgħinna biex inħossu u nwasslu tassew l-imħabba ta’ Alla. F’din is-silta hemm dettall partikulari li joħroġ b’mod sabiħ ħafna t-tenerezza. Hu proprju meta Ġesù jasal fejn dik it-tifla li kienet għadha kif mietet, u l-ewwel ħaġa li jagħmel hu li jneħħi n-nies li kienu qed jagħmlu storbju, biex ikun hemm il-kwiet, u San Mattew jgħid li “jaqbadha minn idha” u jagħtiha l-ħajja. Hemmhekk għandna sinjal sabiħ tat-tenerezza ta’ Ġesù, ta’ din l-għożża, meta jaqbadha minn idha u jagħtiha l-ħajja.

Hemmhekk hu għalina ta’ eżempju għall-ħajja saċerdotali, billi aħna nkunu dawk li nwasslu din l-imħabba, nuruha bi kliemna, bl-attitudni tagħna; li nwasslu l-imħabba ta’ Alla proprju b’dak li n-nies jaraw fina. Diversi nies, wara li jgħaddu s-snin, minna s-saċerdoti se jiftakru ftit milli għedna, forsi xi ftit milli għamilna, imma li se jiftakru l-aktar hu kif ħassewhom meta ġew f’kuntatt magħna. Jekk aħna jirnexxilna nwasslulhom l-imħabba ta’ Alla, dik tibqa’ f’qalbhom, u dik tibqa’ l-iktar ħaġa importanti. Inkunu wassalnielhom, bil-kliem tagħna u bl-imġiba tagħna, dak li hu l-aktar ta’ valur: li Alla jħobbhom, li jrid isalvahom, li jrid jagħtihom ħajja ġdida permezz tagħna.

Talb

Illum nitolbu lil Alla li aħna jkollna dan l-ispirtu tiegħu: li nkunu qrib in-nies, li nkunu nies ta’ kompassjoni, u li nwasslu lin-nies it-tenerezza ta’ Alla. Speċjalment dan ikun possibbli jekk qalbna tkun viċin ħafna ta’ Alla permezz tat-talb biex ikun hu li jimliena bl-ispirtu tiegħu. Aħna qaddejja tiegħu. Sirna saċerdoti mhux għalina nfusna, mhux biex naqdu lilna nfusna jew biex nuru lilna nfusna. Ma sirniex saċerdoti biex in-nies jieqfu fina, imma biex jaslu għandu. Jaslu għandu tassew jekk aħna nkunu magħqudin ħaġa waħda miegħu, biex jimliena bl-ispirtu tiegħu, u nistgħu ngħadduh lill-oħrajn.

Għal dan nixtieq nitlob għalina lkoll, dixxipli tal-Mulej, u speċjalment għalina li qed niċċelebraw 30 sena ta’ ħajja saċerdotali; niftakru b’mod speċjali f’dawk sħabna li qegħdin jaqdu lill-Mulej f’pajjiżi barra minn Malta. Filwaqt li nirringrazzjawh tal-ġid li hu għamel permezz tagħna tul dawn it-30 sena, nitolbuh ukoll maħfra tan-nuqqasijiet tagħna – ta’ meta aħna ma qdejniehx – u nitolbuh biex inħarsu ’l quddiem ħalli nkunu tassew għan-nies sinjal sabiħ tal-imħabba ta’ Alla.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju