• Min jaħdem fil‑ġurnaliżmu jaf x’jiġifieri l‑frażi “aħbar ħażina hi aħbar tajba”. Hija hekk imsejħa “regola” bbażata fuq is‑suppożizzjoni li l‑qarrejja, it‑telespettaturi jew is‑semmiegħa huma kapaċi aktar jinteressaw ruħhom f’aħbar traġika milli f’waħda pożittiva.

    Għaċ‑ċelebrazzjoni tal‑51 sena tal‑Jum Internazzjonali tal‑Komunikazzjoni Soċjali, li qed jiġi mfakkar illum il‑Ħadd, 28 ta’ Mejju, il‑messaġġ tal‑Papa Franġisku qiegħed jistieden lil kull min jaħdem fil‑qasam tal‑mezzi ta’ komunikazzjoni sabiex “jikser dan iċ‑ċirku vizzjuż ta’ ansjetà u biża’, frott tad‑drawwa li nagħtu aktar importanza l‑aħbarijiet negattivi (gwerer, terroriżmu, skandli u kull tip ta’ falliment ieħor tal‑bniedem)”.

    “Missirijietna kienu jqabblu moħħ il‑bniedem ma’ mitħna, li mħaddma mill‑ilma, ma tistax tieqaf. Min hu responsabbli mill‑mitħna, iżda, għandu l‑possibiltà jiddeċiedi jekk jidħanx qamħ jew sikrana. Moħħ il‑bniedem ma jieqaf qatt u ma jistax jieqaf milli “jidħan” l‑informazzjoni li jirċievi, iżda jiddependi minna x’materjal intuh,” qal il‑Papa Franġisku.

    Meta jitkellem fuq il‑“minna”, il‑Papa mhux qed jirreferi biss għall‑artikli tal‑gazzetta jew l‑aħbarijiet l‑oħra mxandra, iżda anke għad‑diskorsi tagħna ta’ kuljum ma’ ħbiebna u anke x’nitfgħu fuq Facebook, twitter, instagram eċċ. Il‑Papa qed jistedinna biex inxandru aħbarijiet tajbin, u nkunu fanal li jarmi dawl ta’ fiduċja u tama fid‑dinja.

    Nilbsu n‑nuċċali tal‑Bxara t‑Tajba

    X’inhi l‑loġika wara aħbar tajba? Ċertament mhux li taħrab mir‑realtà u timmaġinak qed tgħix fi ħrafa. “Il‑ħajja tal‑bniedem hi storja li qed tistenna li tiġi rrakkuntata permezz ta’ ċavetta li hi kapaċi tagħżel u tiġbor l‑iktar informazzjoni importanti” saħaq il‑Papa.

    “Kollox jiddependi mil‑lenti li nagħżlu biex naraw biha l‑aħbar: jekk inbiddlu l‑lenti, anke r‑realtà tidher differenti. Allura minn fejn għandna nibdew biex nibdew naqraw ir‑realtà b’lenti tajba?” jistaqsi l‑Papa Franġisku.

    Għalina l‑Insara, il‑lenti t‑tajba biex nagħrblu r‑realtà hi l‑Bxara t‑Tajba tal‑Vanġelu.

    Il‑Vanġelu ta’ San Mark (Mk 1:1) jibda bit‑tħabbira tal‑aħbar it‑tajba “Il-Bidu tal-Evanġelju ta’ Ġesù Kristu l-Iben ta’ Alla”, u li l‑Papa jfakkar li l‑Vanġelu hu l‑Bxara t‑Tajba “għaliex mhux nieqes mit‑tbatija, iżda għaliex it‑tbatija tagħmel parti minn stampa ikbar, parti intergali tal‑imħabba ta’ Ġesù Kristu lejn Missieru u l‑umanità. Permezz ta’ Ġesù, il‑Mulej wera solidarjetà ma’ kull sitwazzjoni li jgħaddi minnha l‑bniedem, u wriena li aħna m’aħniex weħidna u li għandna Missier li ma jinsa qatt lit‑tfal tiegħu.”

    Għalhekk, skont il‑Papa, jekk inxandru aħbar bil‑lenti tal‑Bxara t‑Tajba, ma nkunux qed inħallu l‑ħażen jirbaħ. “Fid‑dawl ta’ dan, kull traġedja li tista’ tiġri fl‑istorja tad‑dinja, tista’ tinbidel f’aħbar tajba, u dan sakemm l‑imħabba jirnexxilha ssib qlub li kapaċi jemozzjonaw ruħhom, uċuħ mimlija tama u jdejn lesti li jibnu mill‑ġdid”.

     “Li nkunu xhieda u xandara ta’ umanità ġdida u mifdija” huwa dak li għandna nespiraw għalih, “għaliex nitilqu bil‑konvinzjoni li nistgħu nagħrfu u noħorġu l‑aħbar it‑tajba minn kull storja u minn kull persuna.” F’aħbar ħażina, hemm aħbar tajba.

    Agħfas hawn biex taqra l-messaġġ kollu tal-Papa Franġisku għall-Jum tal-Komunikazzjoni Soċjali.