• Dan il-waqt tal-istorja, meta aħna msejħin nirriflettu fuq l-isfidi pastorali tal-familja, hu iktar minn qatt qabel żmien ta’ grazzja biex inxandru l-ferħ tal-Vanġelu lill-familja kollha tal-bnedmin, ibda mill-familja ekkleżjali li, fi kliem il-Qdusija Tiegħu l-Papa, tixbah lil sptar fuq il-kamp tal-battalja.

    Bħala isqof li ġej mill-Knisja ta’ Malta u Għawdex, nista’ ngħid li fil-qalb ta’ dawk li jemmnu hemm għatx qawwi għall-Vanġelu: imqar fejn qed isibuha iebsa biex jilqgħu u jgħixu b’mod sħiħ it-tagħlim tal-Knisja dwar iż-żwieġ u l-familja, hemm tensjoni li tiġbed lejn il-Vanġelu, lejn Kristu.  Tensjoni li tinbidel f’karba lilna r-Rgħajja biex naqraw is-sinjali taż-żminijiet u   tal-Ispirtu ħalli nkunu nistgħu nipproponu l-ġmiel tal-Vanġelu u nwasslu l-faraġ u l-ħniena tal-Feddej lil kulħadd, partikularment lil dawk li sabu ruħhom f’sitwazzjonijiet pastorali diffiċli.

    Għeżież Ħuti, jeħtieġ inkunu kapaċi nidħlu għall-avventura, nirriskjaw, inkunu kuraġġjużi biex nistgħu naqdu aħjar il-Vanġelu mingħajr qatt niċħduh.  La l-kontenuti, imma lanqas il-metodu, l-istess evanġelizzazzjoni, ma għandhom jittradixxu dik li għandha dejjem tidwi bħala Bxara Tajba.  Fid-dawl ta’ dan il-kriterju, naqsam magħkom tliet punti li wasalt għalihom wara li smajt il-poplu ta’ Alla tal-Knejjes ta’ Malta u Għawdex.

    L-ewwel punt: il-kontinwtà (duttrinali).  Nafu tajjeb li d-duttrina għandna dejjem ninżlu iktar fil-fond tagħha, fiduċjużi fil-wegħda tal-Mulej li l-Ispirtu s-Santu jmexxina dejjem lejn il-verità sħiħa (ara Ġw 16:13).  Ma nistgħux nibdlu – u hekk inxejnu – il-Vanġelu tal-familja.  Imma l-familja llum hi anki dik tar-raġel u l-mara divorzjati li qed jgħixu fit-tieni relazzjoni, dik li fiha wlied b’orjentament omosesswali, dik fejn hemm tbatija biex wieħed jgħix il-paternità responsabbli, dik miġruħa mill-falliment, dik mitfugħa f’kultura li ftit tgħin u tifhem kunċetti bħalma hi l-liġi naturali…  Irridu nkunu nafu tajjeb lill-familji tagħna biex nistgħu nħabbru l-Vanġelu b’mod konkret.  Punt tat-tluq hu l-lingwaġġ – li jrid ikun lingwaġġ ta’ Knisja li hi omm ħanina u fl-istess ħin tabib!  Nistqarr kemm ħassejt dan il-bżonn jiena u nisma’ lill-familji ta’ persuni omosesswali u lill-istess persuni b’dan l-orjentament li jħossuhom miġruħa mil-lingwaġġ użat għalihom f’xi kitbiet tagħna, ngħidu aħna fil-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika (edizzjoni tal-1997, §2358), u minħabba f’hekk qed ibatu biex iżommu ħajja l-fidi tagħhom fi Kristu u jħossuhom ulied il-Knisja.  Hemm bżonn nitgħallmu nitkellmu b’lingwaġġ li l-bniedem tal-lum jaf u jħoss bħala lingwaġġ li jista’ jikkomunika l-verità u l-karità evanġelika: “Jekk irridu nadattaw ruħna għal-lingwaġġ tal-oħrajn biex nistgħu naslu għandhom bil-Kelma, jeħtieġ l-ewwel nisimgħu ħafna, jeħtieġ naqsmu fil-ħajja tan-nies u minn jeddna nkunu attenti għalihom” (Evangelii Gaudium [EG] 158).

    It-tieni punt: il-kreattività.  Irridu nesploraw, bl-għajnuna tal-grazzja divina, toroq ġodda li permezz tagħhom nistgħu noħorġu niltaqgħu ma’ ħutna li jixtiequ jgħixu fi Knisja li “mhix dwana, [imma] hi d-dar tal-Missier fejn hemm post għal kulħadd, kull wieħed bil-ħajja iebsa tiegħu” (EG 47).  Dawk li jħossuhom f’sitwazzjonijiet pastorali diffiċli, jinterpellaw u jipprovokaw il-ħtieġa li ninżlu fil-fond tal-kontenuti.  Jekk ġiet imsejħa din il-ġemgħa, allura l-Poplu kollu ta’ Alla qed iħoss il-ħtieġa ta’ approfondiment biex jista’ jħaddan l-isfidi pastorali ġodda.  Dan l-approfondiment “kreattiv” irid isir f’isem il-kontinwità mat-tradizzjoni – huwa propju minn din il-kontinwità li joħroġ il-ġdid: dak il-ġdid li hu Kristu (ara EG 1).  Bla dubju, il-kreattività fil-lingwaġġ u fl-imġiba pastorali mal-persuni li jsibu ruħhom f’sitwazzjonijiet pastorali diffiċli mhux sempliċi bidla minn barra, imma jitlob li nfittxu tweġibiet ġodda u metodi pastorali li nistgħu anki niksbuhom minn Missirijiet il-Knisja.  Hu f’waqtu li nistudjaw dawn is-sitwazzjonijiet b’reqqa teoloġika u spirtu pastorali biex nistgħu naslu għal soluzzjonijiet pastorali msejsa fuq approfondimenti duttrinali.

    It-tielet punt: l-akkumpanjament.  Il-Knisja trid toffri akkumpanjament validu lill-persuni kollha, waqt li żżomm f’moħħha li “is-sitwazzjoni ta’ kull suġġett quddiem Alla u quddiem il-ħajja tal-grazzja tiegħu hi misteru li minn barra ħadd ma jista’ jifhem għalkollox” (EG 172).  Mingħajr ma nċedu “għall-fataliżmi jew għall-biża’” (ibid.) u mingħajr ma naqgħu f’xi xorta ta’ vanġelu kif irriduh aħna, irridu nibnu modi kif insieħbu lil kull persuna, u nipproponu mixjiet li jwasslu għal maturità vera fil-fidi u komunjoni fi ħdan il-Knisja.  L-akkumpanjament ma jistax jieqaf biss mal-verifika ta’ sitwazzjoni hekk imsejħa “irregolari” u meqjusa “irriversibbli”, bla mbagħad ma jkollu ċar quddiem għajnejh b’liema mod dawn ħutna jistgħu jikbru iżjed biex jaslu għal komunjoni sħiħa.

    Hawnhekk inħoss li għandi nagħfas fuq id-diskors Agostinjan dwar il-patientia tal-Knisja pellegrina.[1]  Wistin jifhem il-patientia bħala żmien ta’ pressura (tagħsir) – dak il-passaġġ neċessarju li bih iż-żebbuġa ssir żejt u l-għenba ssir inbid għal fuq l-imwejjed tas-Saltna.  Inħoss li l-koppji u l-familji miġruħa ta’ żmienna qed joffru lill-Knisja l-opportunità li tgħix dan iż-żmien ta’ pressura, bħallikieku qisha fl-istrinġtur.

    Pressura hi t-tensjoni li toħroġ mil-limiti tal-istess kundizzjoni tagħna; hi t-toqol kbir li l-midinbin jitfgħu fuq il-Knisja.  Pressura tfisser li nieħdu ż-żmien biex nagħtu ġudizzju finali li jiddiskrimina darba għal dejjem lill-magħżulin.  Ma ninsewx li t-“taħlit organiku” hu l-karatteristika tal-Knisja fi żmienna, kif naqraw fil-parabboli tas-Saltna: dik tas-sikrana u dik tas-sajda (ara Mt 13).  Wistin jinsisti li dan it-taħlit juri l-awtentiċità tal-Knisja – l-Isqof ta’ Ippona jfakkar li Knisja li ma fihiex midinbin u qaddisin, il-qawwija u d-dgħajfa – u jien inżid – familji b’saħħithom u familji fi kriżi, mhix il-vera Knisja Kattolika.  Xi drabi fil-Knisja n-nuqqas ta’ sabar tagħna jista’ jikkawża “abort”, għax inġiegħlu lil dak li hu prematur joħroġ kmieni żżejjed mill-ġuf tal-omm.  Wistin iwissina: “Theżżux bin-nuqqas ta’ sabar tagħkom il-ġuf matern tal-Knisja, biex ma tkunux iddejqu l-istess bieb li minnu tridu tgħaddu” (Sermo 216, 7(7): PL 38, 1080).  L-isforz li nagħmlu ta’ kuljum biex nitqaddsu m’għandux jinbidel f’intolleranza għad-dgħufija u l-miżerja tagħna jew, agħar u agħar, għal tal-oħrajn – li nfittxu Knisja tal-puri u l-perfetti jkun suwiċidju.  Il-Knisja tkun tistabar meta turi solidarjetà mal-aħwa li jifilħu inqas u li lilhom jeħtieġ tgħallem bi mħabba u sabar u mhux iġġarrbilhom l-ispirtu tagħhom sempliċement għax iridu iktar żmien biex jifhmu.  Knisja għanja fil-patientia hi dik il-Knisja li toffri ruħha biex terfa’ fuqha t-toqol tal-oħrajn – hi dik il-Knisja li b’mod attiv tieħu fuq spallejha lid-dgħajjef li mhux kapaċi jimxi fuq riġlejh.

    Fil-qalba tal-Vanġelu tal-familja hemm is-salvazzjoni ta’ kull bniedem, anki ta’ dawk li jinsabu f’sitwazzjonijiet pastorali diffiċli.  Aħna r-Rgħajja għandna d-dmir li anki lil dawn inwasslulhom il-Vanġelu tal-fidwa.  Hu dmir urġenti għax il-bniedem qed jgħix dawn is-sitwazzjonijiet illum: issa hu ż-żmien li nwieġbu għal din il-karba tal-Poplu ta’ Alla.

    +  Mario Grech
        Isqof ta’ Għawdex
        President tal-Konferenza Episkopali Maltija

    [1] Ara Pasquale Borgomeo sj, La Chiesa in cammino: mistero di ‘patientia’, f’La Civilità Cattolica (2007) II, 329-338.