The Good Spheperd

l-Jum tal-Ħadd kien jum speċjali għal disa’ djakni li kienu ordnati saċerdoti mill-Papa Benedittu XVI proprju fil-Jum Dinji ta’ talb għall-vokazzjonijiet reliġjużi. Tmienja minn dawn id-djakni kienu mid-djoċesi ta’ Ruma u d-disa’ wieħed mill-Vjetnamm. Interessanti li dan tal-aħħar kien avukat, u tnejn mill-bqija kienu pilota u gradwat fil-kemistrija, rispettivament.

Meta indirizza lill-kongregazzjoni miġbura quddiemu, li kienet naturalment tinkludi l-familji u l-ħbieb ta’ dawn id-disgħa saċerdoti ġodda, il-Papa qal li s-saċerdot, bħar-ragħaj, hu msejjaħ imexxi l-fidili afdati f’idejh lejn il-ħajja vera, “il-ħajja fil-milja tagħha”.

Is-saċerdoti l-ġodda semgħu lill-Papa jgħidilhom li l-valur tal-ħajja saċerdotali ma kienx biss dwar ħidmiet soċjali, imma wkoll dwar għejxien ta’ ħajja fil-preżenza vitali ta’ Alla, liema preżenza tkun iktar intense iktar ma jkun tqil is-salib li jkun iġorr is-saċerdot.

Meta rrefera għal-Liturġija tal-Kelma fil-ġurnata, il-Papa, waqt l-omelija, innota li Ġesu “għex esperjenza ta’ skartar mill-mexxejja tal-poplu li warrbuh, pero sab l-għajnuna t’Alla biex waqqaf il-Knisja”.

Żied li “s-saċerdot, hu msejjaħ biex jgħix l-esperjenza li għex Ġesu, jingħata kollu kemm hu f’ħidmietu għat-tagħlim u l-fejqan spiritwali”.

Wara ċ-ċelebrazzjoni ewkaristika, il-Papa għadda r-reċita tar-Regina Caeli, li matulha talab sabiex kull individwu jagħraf iwieġeb għas-sejħa ta’ Alla f’ħajtu.

Fi kliem il-Kap tal-Knisja Kattolika, “il-Vanġelu tal-ġurnata jissottolinea il-figura ta’ Kristu bħala r-Ragħaj it-Tajjeb li jagħti ħajtu għall-merħla tiegħu. Illum nitolbu wkoll għall-vokazzjonijiet saċerdotali u reliġjużi, biex ħafna iżjed żgħażagħ iwieġbu għas-sejħa t’Alla mill-viċin”. Il-Papa temm jgħid li d-djakni li hu ordna saċerdoti, “m’huma xejn speċjali u differenti minn żgħażagħ oħraa, biss pero, ħallew li jintmessu mill-imħabba infinita ta’ Alla”.