• L-omelija tal-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi

     


  • Il-Knisja ta’ Ġieżu, ir-Rabat

    7 ta’ Ottubru 2018

    Ix-Xahar tal-Ħolqien li ntemm fil-festa ta’ San Franġisk ta’ Assisi għandu jgħinna biex napprezzaw kemm il-ħolqien hu sinjal ċar tal-imħabba ta’ Alla għalina. Hu tana l-ħolqien biex nieħdu ħsiebu, nikkurawh.

    Il-qari mill-ktieb tal-Ġenesi jurina li Alla sawwar l-annimali u t-tajr u fdahom f’idejn il-bniedem biex jieħu ħsiebhom. Ma tahx l-annimali biex ikunu pariġġu, ugwali mal-bniedem, imma biex il-bniedem jieħu ħsiebhom. Għalhekk fil-Ġenesi naraw distinzjoni ċara bejn il-bniedem, maħluq raġel u mara xbieha ta’ Alla, u l-annimal. Mhumiex l-istess. Imma din id-distinzjoni tfisser li l-bniedem għandu responsabbiltà lejn il-ħlejjaq l-oħra biex jieħu ħsiebhom u jipproteġihom.

    Din hi stedina li Alla jagħmel. Hu hekk jaħdem – billi jistieden u jħalli f’idejna. Jafdalna f’idejna ħafna u mbagħad jiddependi minna. Il-bniedem ġieli jirrifjuta. Fl-Evanġelju smajna lil Ġesù spjegaha b’dan il-kliem: “Minħabba l-ebusija ta’ qalbkom,” li tfisser li Alla jrid mod, intom tagħmlu mod ieħor għax ras iebsa u qalb iebsa. Kien qed jgħidha fil-kuntest tar-relazzjoni bejn raġel u mara, imma din il-qalb u r-ras iebsa narawha wkoll kultant fejn tidħol ir-relazzjoni mal-ħolqien. Alla jafdalna l-ħolqien – minna jiddependi jekk niħdux ħsiebu jew inkasbruh.

    Nixtieq li f’din iċ-ċelebrazzjoni nirriflettu fuq żewġ punti partikulari:


    Ir-responsabbiltà tas-soċjetà

    L-ewwel nett, ir-responsabbiltà li għandna bħala soċjetà biex ngħaddu lill-ġenerazzjonijiet ta’ warajna pajjiż fejn il-ħolqien hu kkurat u rispettat. Nixtieq li nieqfu ftit u naħsbu fil-karba tal-ġenerazzjonijiet fil-futur jekk se jħarsu u ma jarawx ħlief bini u bini, bini għoli li jgħattilek veduti sbieħ li tista’ tara, spazju inqas, arja inqas, u traffiku ikbar. Hi responsabbiltà tagħna llum li nieqfu naħsbu bis-serjetà l-konsegwenzi ta’ dak li qed nagħmlu, li nitkellmu u nieħdu azzjoni llum qabel xejn b’risq il-ġenerazzjonijiet ta’ għada.


    Ir-responsabbiltà individwali

    It-tieni, ir-responsabbiltà individwali. Kull wieħed u waħda minna rridu nagħrfu kif ngħixu dan ir-rispett lejn il-ħolqien fl-affarijiet li jidhru zgħar, ordinarji, imma li huma tassew importanti. Insemmi hawnhekk dak li jgħid Papa Franġisku fl-enċiklika Laudato si’, 211, li hu tant ċar: “Hi ħaġa tassew nobbli li wieħed iħabrek biex jieħu ħsieb tal-ħolqien b’għemejjel ċkejkna ta’ kuljum, u hi ħaġa tassew sabiħa li l-edukazzjoni tista’ tkun motivazzjoni għal dan sal-punt li tgħaġġen stil ta’ ħajja. L-edukazzjoni għar-responsabbiltà ambjentali tista’ tħeġġeġ ħafna mġibiet li jafu jolqtu b’mod dirett u importanti l-ħarsien tal-ambjent …”

    Hawn il-Papa jsemmi affarijiet tassew prattiċi: li wieħed jevita l-użu ta’ materjal tal-plastik, inaqqas il-konsum tal-ilma, jifred l-iskart, isajjar biss dak li jaħseb li jiflaħ jiekol, jittratta b’għożża l-ħlejjaq ħajjin l-oħra, jinqeda bit-trasport pubbliku meta jkun jaħdem tajjeb, jew jaqsam l-istess karozza ma’ iktar minn persuna waħda, jiżra’ s-siġar, jitfi dwal mixgħula għalxejn. Il-Papa jgħid kif dan kollu jagħmel parti minn kreattività li toħroġ għad-dawl l-aħjar li hemm fil-bniedem. “Li nerġgħu nużaw xi ħaġa flok narmuha mill-ewwel, u dan nagħmluh b’motivazzjoni profonda, jista’ jkun għemil ta’ mħabba li jesprimi d-dinjità tagħna”.

    Ma’ dawn nistgħu nsemmu wkoll dak li l-Kummissjoni Interdjoċesana Ambjent spjegat dan l-aħħar dwar l-immaniġġjar tal-iskart kif ukoll dak li Papa Franġisku qal dwar l-ilma fil-messaġġ tiegħu tal-1 ta’ Settembru 2018.


    Proġett f’waqtu

    Ilbieraħ kien hemm ukoll l-aħbar sabiħa tat-twaqqif tal-Malta Food Bank, li jkompli mal-inizjattiva sabiħa li l-patrijiet Franġiskani Minuri kienu ħadu fil-Belt Valletta. Il-Food Bank jaħdem billi jara li l-ikel żejjed ta’ kumpaniji, flok jintrema, ikun jista’ jingħata lill-aġenziji differenti li mbagħad jgħadduhom lil nies fil-bżonn. Dan hu proġett importanti li jnaqqas il-ħela tal-ikel u jservi lil dawk li m’għandhomx ikel.

    Nitolbu lill-Mulej li nagħrfu ngħixu l-fidi tagħna billi naqdu r-responsabbiltajiet tagħna, kemm bħala soċjetà, kif ukoll individwalment, lejn il-ħolqien li fdalna f’idejna. Nitolbuh jeħlisna minn ras iebsa u qalb iebsa li tkasbar il-ħolqien tiegħu.

    ✠ Joseph Galea-Curmi
        Isqof Awżiljarju

     


  • Il-Qari tal-Quddiesa: 
    Qari I: Ġen 2, 18-24
    Salm: 127
    Qari II: Lhud 2, 9-11
    Evanġelju: Mk 10, 2-16

     

  •