Min jiekol ġismi u jixrob demmi jibqa’ fija u jiena fih. (Ġw:6:56)

L-aħħar ġranet tar-Randan jissejħu t-Tridu tal-Għid u jibdew minn Ħamis ix-Xirka filgħaxija sa Ħadd il-Għid. Il-kelma Tridu ġejja mil-Latin Triduum u tfisser ‘tlett ijiem’, u dawn huma l-aktar ġranet importanti fis-sena liturġika. Il-bidu u t-tmiem ta’ dawn il-jiem huma ċċelebrati b’quddiesa, li hija ikla li nipparteċipaw fiha flimkien u li ttina l-opportunità li ngħaddu mill-mewt għall-ħajja ġdida aħna wkoll.

Matul din il-ġimgħa, il-Lhud jiċċelebraw l-ikla tal-Għid, li ngħidulha wkoll is-‘Seder’ jew ‘Passover meal’; fejn jiftakru fil-passaġġ mill-iskjavitù taħt l-Eġizzjani għall-ħelsien fid-deżert u joffru ħaruf bħala sagrifiċċju. Ġesù, fl-Aħħar Ċena, kien hu stess il-ħaruf tas-sagrifiċċju li bih niġu salvati.

Permezz tal-Ewkaristija flimkien inkunu qed nipparteċipaw f’ikla qaddisa li tirrefletti r-relazzjoni bejnietna bħala ħbieb, jew aħjar, bħala l-familja ta’ Kristu. Infatti, il-kelma ‘Ewkaristija’ tfisser ‘ringrazzjament’ u l-quddiesa hija kkunsidrata bħala talba perfetta, għaliex nemmnu li kull darba li l-qassis ibierek il-ħobż u l-inbid, isiru l-ġisem u d-demm ta’ Ġesù.

Għalhekk il-quddiesa mhix sempliċiment tfakkira tal-passjoni ta’ Ġesù; u l-ħobż u l-inbid mhumiex biss simboli għaliex it-trasformazzjoni ta’ din l-ikla hija miraklu li jsir kull darba li nidħlu f’din it-talba li tgħaqqadna b’mod sħiħ m’Alla.

Il-Papa Ġwanni Pawlu t-Tieni qal li l-Ewkaristija hija s-sors u l-qofol tal-ħajja Nisranija. Għalhekk huwa xieraq li l-iktar mod perfett li nistgħu ningħaqdu ma’ Ġesù hija b’esperjenza tar-rigal tal-ħajja tiegħu stess li tana permezz tal-mewt u l-qawmien tiegħu.

Jiena kif inħares lejn il-quddiesa? Nemmen verament li nkun qed nirċievi lil Ġesù kull darba li nitqarben?