Bini u tkabbir ta’ skejjel

Il-proċess tar-riforma fit-transizzjoni mill-primarja għas-sekondarja wassal lill-iskejjel tal-Knisja sabiex jieħdu diversi inizjattivi. Dawn l-inizjattivi jinsabu fi stadji differenti fil-proċess tat-twettiq.

Xi skejjel tas-subien (St Paul’s Missionary College, is-Seminarju, Malta, St Augustine College, u Savio College) qed jaħsbu sabiex jibnu skola primarja, u Theresa Nuzzo (skola tal-bniet) se tibni skola sekondarja. Is-Seminarju, Malta (subien), is-Seminarju, Għawdex (subien), u l-iskola Sekondarja tal-Konservatorju tal-Isqof (bniet) se jżidu klassi mill-Form 1 sal-Form 5 u l-iskola St Michael, Ħal-Qormi (subien) se żżid klassi fil-Form 1 u fil-Form 2.  Qed jiġi kkunsidrat li jiżdiedu ukoll 3 klassijiet Kinder f’Għawdex.

Id-dħul f’dawn il-primarji fl-ewwel tlett snin se jkun fl-ewwel u fir-raba’ sena. B’dan il-mod, fi tliet snin, dawn l‑iskejjel jimtlew u dħul fil-Form 1 ikun proċess faċli. Meta jimtlew il-primarji l-ġodda id-dħul fl-iskejjel jibda jsir b’mod regolari fil-Kinder 1, Kinder 2, l-ewwel sena primarja u l‑ewwel sena sekondarja.

Il-Prinċipju tal-Kontinwità

Bħala parti mill-istess riforma se jissaħaħ il-prinċipju tal-kontinwità. B’dan il-prinċipju tfal li jidħlu fi skola tal-Knisja li għandha livelli ogħla jibqgħu fiha. Dan il-prinċipju issa se jiġi estiż għall-iskejjel kollha jiġifieri tfal li jidħlu fi skola tal-Knisja jistgħu jkomplu fi skola tal-Knisja. Fejn l-iskola tal-livell superjuri tkun ta’ l-istess kongregazzjoni it-tfal imorru f’dik l-iskola. Meta t-tfal jispiċċaw minn skejjel tal-Knisja differenti u jkun hemm diversi skejjel fejn jistgħu jidħlu, tintuża  s-sistema  tal-polza  sabiex  huma  jagħżlu  wara xulxin l-iskola li jkunu jixtiequ.  Per eżempju huwa kalkulat li xi mitt (100) tifel jew tifla jispiċċaw il-Kinder 2 u l-iskola tagħom ma tkompliex. Dawn il-mitt student issa se jiġu milqugħa fi skejjel oħra tal-Knisja. L-istess jiġri fi tmiem tas-sitt sena primarja meta xi 150 student jispiċċaw minn skejjel li ma’ għandhomx is-sekondarja. Dawn l-istudenti se jiġu aċċettati fl-iskejjel sekondarji tal-Knisja.

Ta’ min jinnota li fl-2011, 2012 u l-2013 il-postijiet vakanti għas-subien fil-Form 1 f’Malta se jkun ta’ madwar 400 kull sena. Dan ifisser li barra s-subien li jiġu mill-iskejjel primarji tal-Knisja jkun baqa xi 250 post. Dawn il-postijiet jkun jistgħu jimtlew minn subien li jkunu fl-iskejjel tal-Istat jew Indipendenti. Anke f’dan il-każ tintuża s-sistema tal-polza  sabiex jintagħżel minn se jinkiteb fi skola tal-Knisja.

Kriterji tad-Dħul

Mil-kriterji eżistenti tad-dħul fl-iskejjel tal-Knisja se jispiċċa dak tal-eżami għad-dħul fil-Form1. Il-Kriterji l-oħra huma:

  1. tfal li qegħdin fid-djar tal-Knisja,
  2. tfal bi bżonnijiet speċjali,
  3. Aħwa fl-istess skola ta’ ħuthom,
  4. il-bqija bil-polza.

Il-kriterju ta’ l-aħwa se jiġi estiż għall-iskejjel li sa issa kienu jdaħħlu tfal bl-eżami komuni u li ma’ kellhomx primarja.

Mal-kriterji tad-dħul qed jiżdied kriterju ġdid li jixbaħ ħafna lil dak ta’ l-aħwa. B’dan il-kriterju ġdid ulied ta’ mpjegati ta’ skola tal-Knisja, jistgħu jinkitbu fl-iskola fejn ikun qed jaħdem il-missier jew taħdem l-omm. Dan il-kriterju għandu jgħin lill-familji li jaħdmu fl-iskejjel tal-Knisja għaliex b’hekk il-ġenituri ikun jistgħu jieħdu lil uliedhom magħhom. Minn studju li sar mis-Segretarjat għall-Edukazzjoni jirriżulta li l-impatt ta’ dan il-kriterju fuq in-numru ta’ tfal li se jidħlu fl-iskejjel tal-Knisja se jkun minimu, average ta’ student/a kull sena f’kull skola.

Meta titlesta din l-espansjoni kollha in-numru ta’ tfal fl-iskejjel tal-Knisja jiżdied b’2,300 student. Hekk it-total ta’ tfal fl-iskejjel tal-Knisja, Kinder, Primarja u Sekondarja minn madwar 15,000 jitla għal madwar 17,300. Mhux ta’ min jinsa li l-Knisja għandha wkoll żewġ Sixth Forms li bejniethom qed jipprovdu edukazzjoni sekondarja għola għal xi 650 student/a.

Paragun man-numru ta’ tfal fl-iskejjel tal-Istat (Kinder, Primarja u Sekondarja) fejn fl-2007 huwa reġistrat li hemm 41,570, fil-preżent fl-iskejjel tal-Knisja hemm kważi 36%. Fl-2019 il-persentaġ mistenna jkun ta’ madwar 41.6%. Il-probabilità hi li l-persentaġ ikun għola jekk ir-rata tat-twelid tibqa nieżla.  Din hija responsabilità kbira għall-Knisja li bil-għajnuna ta’ kullħadd taħdem għall-ġid tal-poplu Malti u Għawdxi.

Għal aktar  informazzjoni dettaljata, inkluż dwar in-numru ta’ studenti li se jidħlu f’kull livell, f’kull skola tal-Knisja, mis-sena 2011 agħfas hawn.

Agħfas fuq ir-ritratt biex tkabbar. Ir-ritratti tal-attivitajiet tal-Arċisqof jistgħu jinxtraw mill-ħanut PHOTOCITY, il-Belt. Tel: 21236723. Email: [email protected]

Jekk kont preżenti għal din l-attivita’, ħalli l-kummenti tiegħek.

Għal programm sħiħ taż-Żjara Pastorali tal-Arċisqof f’Ħal Tarxien AGĦFAS HAWN.