• Il-Ġimgħa 25 ta’ Novembru 2016, l-Arċisqof Charles J. Scicluna ċċelebra Quddiesa fil-festa ta’ Santa Katerina, fil-Knisja Parrokkjali taż-Żejtun.

    Omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna

  • Knisja Parrokkjali taż-Żejtun
    25 ta’ Novembru 2016

    Alessandru l-Kbir tal-Greċja u l-Maċedonja, bniedem li b’ġenju tant kbir ħakem l-Asja Minuri, li terraq u wasal sal-fruntiera mal-Indja din il-belt u jsemmieha għalih fuq ix-xatt tal-Mediterran. Hekk tnisslet il-belt ta’ Alessandria, propju imsemmija għal Alessandru u aħna nafuha bħala ‘Lixandra’. Dik il-belt hija belt għażiża għalina għaliex taf kolonja ta’ Maltin magħrufin bħala l-Maltin ta’ Lixandra. Hemmhekk ukoll twieldet l-aqwa għanja Maltija tal-Milied: ‘Ninni li tibkix iżjed’ miktuba ġewwa l-belt ta’ Lixandra. Belt li fis-sena 300 u fis-sena 305 kienet għadha tiffjorixxi mhux biss fil-memorja tal-fundatur tagħha, imma wkoll billi kienet saret ċentru ta’ għerf kbir.

    Il-Biblijoteka ta’ Lixandra kienet l-aqwa u l-ikbar biblijoteka ta’ żmien Katerina. Dan huwa l-kuntest, din hija l-belt li fiha twieldet il-qaddisa tagħna; kien ukoll f’din il-belt Alessandria, li l-kelma ta’ Alla nqalbet mill-Ebrajk għall-Grieg. F’din il-belt twieldet it-traduzzjoni Griega tat-Testment l-Antik. Fil-leġġenda li tgħid li ġiet tradotta minn sebgħin għaref; fil-belt ta’ Alessandria twieldet dik li aħna nafu bħala s-Septwaġinta. 

    F’dan il-kuntest ta’ kultura Bibblika, ta’ kultura Ellenistika ta’ għerf, twieldet din it-tfajla minn demm nobbli. Bħala tifla ta’ familja nobbli, xorbot minn din il-kultura, xorbot mill-kelma tal-għerf tal-Griegi, xorbot mill-għerf tal-filosofija Griega u d-deċiżjoni tagħha li l-kelma ta’ Kristu, il-kelma ta’ Alla, kienet il-veru għerf, mhux biss hija plawsibbli imma turina l-effett benefiku ta’ dik it-traduzzjoni Griega tas-Septwaġinta u anke tirrifletti l-appostolat ta’ Marku l-Evanġelista għax Alessandria hija wkoll il-belt evanġelizzata minn Marku l-Evanġelista. Kif tafu, is-sinjal tiegħu huwa l-iljun. Aħna lil San Mark nassoċjawh ma’ Venezja imma qabel irridu nassoċjawh ma’ Alessandria. U din hija l-ospedazzjoni ta’ patrimonju filosofiku, ta’ għerf u anke ta’  aċċessabbilità tal-Bibbja tal-preżenza ta’ evanġelista li fih twieldet Katerina.         

    L-għorrief u l-antiki jgħidulna li hi għażlet li titgħammed, ma tgħammditx ta’ tarbija imma d-deċiżjoni tagħha li tħaddan il-fidi Nisranija kienet deċiżjoni adulta, kienet frott riflessjoni profonda ta’ bniedma intelletwali u għarfa li ddeċidiet li fost tant proposti ta’ għerf, u sapjenza. Il-kelma ta’ Ġesù tagħmel ħafna sens. Ma tikkalpestax l-għerf tal-bniedem imma twasslu għall-milja tiegħu u mhux biss, l-għerf tal-bniedem tibdlu għall-perspettiva tal-eternita. Mhux biss l-għerf ta’ Ġesù Kristu jagħżel risposta għall-ħajja ta’ din id-dinja, imma l-ħajja ta’ din id-dinja jilluminaha u jdawwalha mhux biss fil-wegħda imma bir-realtà tal-ħajja li ma tintemmx.     

    F’din il-belt hija tagħżel li titgħammed u l-isem tagħha jieħu sinifikat iżjed profond, għax l-isem tagħha jfisser ‘mara msoffija’, mara safja, mara pura, Katerina, huwa isem Grieg li jkompli jurina li Katerina twieldet u trabbiet fuq ix-xatt tan-Nofsinhar tal-Mediterran fl-Eġittu, imma f’belt Ellenika.  Il-Magħmudija li rċeviet għax riedet l-isem tagħha isir ifisser it-tisfija li ħadet fit-tnissil fi Kristu. Bil-Magħmudija Katerina twieldet mill-ġdid, issaffiet mid-dnub oriġinali, minn dnubietha kollha u bdiet dik il-ħajja li lil Kristu titgħarras miegħu fil-profond. Il-verġinità ta’ Katerina, qabel hija verġinità fiżika, hija verġinità spiritwali. Bil-Magħmudija hija ssir totalment ta’ Ġesù. L-esperjenza mistika tat-tieġ mal-Għarus tagħha hija esperjenza qawwija li tagħtiha sinjal profond, kważi karattru fir-ruħ tagħha.

    Aħna llum irridu nsellmulha b’isimha u kull meta ngħidu ‘Katerina’ qed insellmulha bħala mara safja li ġiet imsoffija bil-qawwa ta’ Ġesù Kristu. Meta aħna ngħidu: ‘Viva Santa Katerina’ qegħdin nirrikonoxxu l-qawwa ta’ Ġesù li jsaffina mid-dnub. Hi l-ewwel waħda, turina b’idejha l-qawwa tas-sema li taf taħfer kwalunkwe dnub, li taf tagħtina dik il-katarsi, l-istess għerq tal-isem ta’ Katerina, it-tisfija mill-fond.  Jekk l-ilma ta’ din id-dinja jaħsilni mill-ħmieġ tal-ġilda, il-Mulej jaf jaħsilni, isaffini minn ġewwa: il-katarsi li jagħtini, jagħmilni nixbah ukoll lil qaddisa patruna tagħna.                                     

    Katerina hija dik li quddiem l-aggressjoni ta’ Massiminu l-Gvernatur ma tibżax. Ta’ tmintax-il sena bl-għerf tagħha, bir-rieda soda tagħha, taf tieqaf il-praspar, id-delużjonijiet, is-superstizzonijiet ta’ min irid ibegħda minn Ġesù. Mhux hekk, tipperswadi, u tant tirrabja lit-tirann, li r-rebħa tagħha li hija rebħa ġwejda, rebħa li d-djalogu twassalha għas-saħħa tar-raġuni,  ma jibqagħliex iżjed armi ħlief il-vjolenza.  

    Kemm-il darba aħna l-Insara quddiem il-loġika tal-Evanġelju, is-sabar li jgħallimna Ġesù l-istil ġwejjed tiegħu, niltaqgħu ma’ min għax m’għandux argumenti jitfa’ biss it-tajn, il-kalunnja u l-insulti. Imma l-Mulej fl-Evanġelju avżana: “Jekk id-dinja tobgħodkom, kunu afu li lili bagħditni qabilkom. Kieku intom kontu tad-dinja, id-dinja kienet tħobbkom bħalma tħobb dak li hu tagħha iżda billi intom m’intomx tad-dinja għax jiena ħriġtkom mid-dinja, għalhekk id-dinja tobgħodkom” (Ġw 15, 18-19). Mhux għal daqshekk se nibżgħu, mhux għalhekk se nibżgħu jew se niddejqu mill-fenomenu tal-blogs jew mit-tgħajjir, jew mill-minaċċi. Aħna nafdaw bħalma afdat Katerina fis-saħħa tal-kelma ta’ Ġesù, fid-djalogu rispettuż u profond. Ir-risposta tagħna la hija t-tgħajjir, ir-risposta tagħna la hija l-kalunnja, ir-risposta tagħna la hi vjolenza, ir-risposta tagħna hija l-għerf tas-Salib Imqaddes.   

    Allura l-martirju ta’ Santa Katerina għad-dinja, għal Massiminu li mbagħad spiċċa suiċida fis-sena 316, spiċċa ħażin, u ngħidlu miskin, imma kien magħruf li kien feroċi. Qalb Katerina it-trijonf għan-nies tad-dinja ta’ żmienha kien falliment, bħalma jgħid Ktieb il-Għerf: “il-mewt għat-tajbin qisha falliment imma huma jikbru fil-glorja”. Il-martirju tagħha f’dan il-falliment tad-dinja, li min m’għandux iżjed argumenti, joqtlok l-ewwel bl-ilsien, imbagħad bis-sejf – hija rebħa – ir-rebħa  ta’ min jagħti ħajtu għal Ġesù, ta’ min jixhed li r-rebħa hi tal-Mulej imsallab u rxuxtat.

    Meta ngħidu ‘Viva Santa Katerina’ aħna qed nifhmu dan kollu. Qegħdin nifhmu li nagħtu ġieħ lil dan il-kapulavur tal-għerf li ġej minn Alla. Kemm inkunu boloh jekk aħna biex nagħmlu unur lil Santa Katerina, ninfexxu bil-mentalità tad-dinja: il-pika, l-arroganza, it-tgħajjir u ż-żebliħ. Aħna biex inkunu ma’ Ġesù irridu nagħżlu d-djalogu bejnietna, il-kooperazzjoni bejnietna, nagħżlu anke dak kollu li hu sewwa, dak kollu li jġib il-paċi, anke jekk niddeċiedu li għandna nagħmlu festa, u nagħmlu tajjeb, ejjew nagħmlu festa sabiħa.    

    Illum nġbarna hawn, illejla. Qed nieħu pjaċir li għandna wkoll l-abbatini li għadhom ma raqdux imma dalwaqt. Jiena nirringrazzja lilkom talli ġejtu, lill-ġenituri tagħkom li ġabukom hawn, imma nirringrazzja anke persuni distinti, rispettabbli, lilek għażiż Ministru Abela, nirringrazzjak ħafna tal-preżenza tiegħek fostna. Intom għeżież Żwieten li bi ħġarkom, niċċelebraw il-25 ta’ Novembru, xahar qabel il-Milied, hemm it-tradizzjoni qaddisa li l-ġulbiena tiżragħha bħal-lum. Li llum din il-verġni u martri ġġagħlek taħseb fit-twelid tal-Għarus tagħha, it-twelid ta’ Ġesù.                           

    Dan ukoll huwa, skont it-tradizzjoni, il-jum tal-martirju tagħha. Il-jum tal-25 ta’ Novembru tas-sena 305. Avveniment storiku – jista’ jkun imżewwaq bit-tradizzjoni – imma fatt storiku. M’aħniex qed nitkellmu fuq ħlejjaq jew ħrejjef tal-bnedmin, qegħdin nitkellmu fuq persuna storika, qegħdin nitkellmu fuq devozzjoni antika li l-providenza riedet li tkun marbuta wkoll mal-iżjed għolja qaddisa li hawn fid-dinja, fuq is-Sinaj, fejn hemm ukoll il-ġebel Katerin,        fejn hemm il-monasteru ddedikat lilha. Huwa monument protett minn dejjem mill-umanità. Ħaġa interessanti, qrajt m’ilux li tant kienet qawwija d-devozzjoni lejn Santa Katerina fuq il-monasteru tas-Sinaj li l-istess Mohammed, il-fundatur tal-Islam, ta privileġġ ta’ protezzjoni lill-monasteru.

    Jiena nirringrazzjak ukoll ta’ kull ma tagħmel flimkien ma’ Mons Vella, Onor. Ministru, a favur l-immigranti li huwa xhieda sabiħa wkoll ta’ dan il-patrimonju li ħallewlna l-qaddisin, li nibqgħu            

    Katerina hija bniedma li tirbaħ ir-rispett bid-devozzjoni lejha mill-kulturi kollha u dan huwa sinjal attwali ħafna. Din it-tfajla ta’ sittax il-sena li tagħżel lil Ġesù fuq kollox u fuq kulħadd, li tnissel fil- poplu Nisrani, imma mhux biss, fil-kulturi kollha rispett u devozzjoni kbira.  

    Jiena nixtieq ukoll nifraħ lil din il-parroċċa matriċi, hi u tiċċelebra l-erba’ mitt sena ta’ din ir-realtà sabiħa li tnissel komunitajiet oħrajn. Dan huwa dak li wegħdna Ġesùmeta qal: “dawk li jisimgħu l-kelma t’Alla u jagħmluha, dawk huma ommi u ħuti” (Lk 8, 21). Il-komunità li ssir matriċi hija komunità li tnissel komunitajiet oħra u din il-fekondit, il-maternità spiritwali, il-komunità tagħmilha mill-esperjenza tagħha. Jiena nawguralkom, naħseb fi djarkom, naħseb fil-familji, li tkomplu din it-tradizzjoni qaddisa l-imħabba tagħkom lejn Santa Katerina ta’ min ifaħħarha meta wieħed jaħseb x’inhu l-oġġett tal-imħabba tagħkom, lil min tħobbu.

    Katerina imma tiggwidakom lejn l-Għarus tagħha, ħobbuha, u ħobbu lill-Mulej imsallab u rxuxtat.  Forsi mhux ta b’xejn intom daqshekk marbutin mar-ritwali tal-Ġimgħa l-Kbira għaliex intom wara li tirriflettu fuq l-għarusa ta’ Ġesù tħossu ħafna fil-qrib il-martirju tal-Mulej. Bħalma għidt fl-omelija ta’ Kristu Re u nieqaf hawn, San Luqa meta jkellimna fuq il-Kalvarju, jgħid: “wara li sallbu lil Ġesù, il-poplu waqaf iħares mill-bogħod” (Lq 23, 35).

    Aħna li tant għandna l-kapaċità, intom li torganizzaw b’tant ħerqa u ħeġġa l-Ġimgħa l-Kbira li hija spettaklu straordinarju ta’ fidi u folklor, imma għandna  l-periklu li nieqfu inħarsu lejn ir-realtà, waqt li qed nagħmluha wkoll forma ta’ pageant – din ir-realtà li niċċelebraw tinżel fil-qalb tagħna. Hemm bżonn tbiddel il-qalb tagħna, hemm bżonn tbiddel il-mod kif naġixxu, kif nitkellmu, kif inħobbu u din hija t-talba tiegħi li intom tħarsu lejn Katerina titolbuha li tnissel fikom dak l-għerf li ġej mis-salib ta’ Ġesù għax min m’għandux salib għandu domna. Għandna bżonn nitgħallmu minnha d-don tal-paċenzja, id-don tal-għerf, id-don tax-xhieda li hija wkoll il-martirju. Viva Santa Katerina!

     Charles J. Scicluna          
        Arċisqof ta’ Malta