Trade Union roles

Iċ-Ċermen tal-Kumitat tal-Isqfijiet Amerikani dwar il-Ġustizzja Domestika u l-Iżvilupp Uman, l-Isqof Stephen E.Blaire ta’ Stockton f’California, qal li l-Unions tal-ħaddiema u assoċjazzjonijiet oħra tal-ħaddiema jeħtieġu jgħinu lill-ħaddiema u lill-familji tagħhom joħorġu mill-faqar, f’xenarju ta’ ekonomija mkissra. “Ebda tiġdid ekonomiku li jpoġġi lill-ħaddiema u lill-familji tagħhom fiċ-ċentru tal-ħajja ekonomika ma jista’ jsir jekk mhux bil-għajnuna u l-effiċjenza tal-Unions u l-Assoċjazzjonijiet tal-ħaddiema”, qal l-Isqof. Kompla li “dan it-tiġdid jeħtieġ ħidma flimkien minn organizzazzjonijiet tan-negozju, tax-xogħol u oħrajn ċiviċi u reliġjużi bil-għan li jiddefendu id-dinjita tal-ħaddiem, jaqbżu għad-drittijiet tiegħu u jkunu għalih vuċi fuq il-post tax-xogħol u fix-xenarju ekonomiku wiesgħa”.

Żied li “fil-binja ta’ ekonomija ġusta li taqdi lill-bniedem, u mhux bil-kontra, kull persuna u kull istituzzjoni għandha rwol importanti”.

L-Isqof Blaire kien qed jgħaddi dawn il-kummenti fil-messaġġ annwali fil-jum iddedikat lix-xogħol, li dis-sena kien iffukat fuq it-tema ‘Inpoġġu x-xogħol u l-ħaddiem fiċ-ċentru tal-ħajja ekonomika’. Fih l-Isqof ħares lejn kwistjonijiet ekonomiċi mil-lenti tat-tagħlim tal-Knisja u temm jgħid li “pajjiżna jeħtieġ jibqa’ jissielet mal-ekonomija mkissra li mhix tipproduċi biżżejjed impjiegi diċenti. Miljuni ta’ Amerikani huma qiegħda, jew għandhom xogħol minimu jew saħansitra qed jgħixu fil-faqar għax m’għandhomx il-ħtiġijiet bażiċi. Dan hu falliment morali u ekonomiku serju għall-pajjiż”.