Ġie inawgurat ix-xogħol ta’ restawr li sar fuq il-kwadru titulari tal-Martirju ta’ Santa Katarina fil-Parroċċa l-Qadima magħrufa bħala l-Knisja ta’ San Girgor, fiż-Żejtun.
Matul iċ-ċerimonja tal-inawgurazzjoni, organizzata minn Wirt iż-Żejtun, saret preżentazzjoni dwar ix-xogħol li sar fuq dan il-kwadru minn Valentina Lupo, ir-restawratriċi ta’ Atelier del Restauro, li ġew ikkummissjonati sabiex jirrestawraw dan il-kwadru. Wara saret preżentazzjoni oħra minn Dr Sandro Debono dwar ir-riċerka li qiegħed jagħmel sabiex biex isir magħruf l-oriġini tal-pittura.
Is-serata ġiet imżewqa b’mużika fuq l-orgni minn Maestro Joe Caruana, waqt li Anthony Spagnol ippreżenta s-serata.
Għal din l-okkazjoni l-knisja inżammet fid-dlam u nxtegħlet biss b’ammont ta’ xemgħat. Dan sabiex il-kwadru nżamm fid-dlam sakemm wasal il-ħin li jinxtegħel id-dawl fuqu biss.
Il-mixgħela saret mill-Arċidjaknu tal-Kapitlu Metropolitan tal-Imdina, Mons. Joseph Bajada, l-Arċipriet Dun Nicholas Pace, u l-Perit Ruben Abela, President ta’ Wirt iż-Żejtun.
Il-proġett ta’ restawr sar fuq inizjattiva ta’ Wirt iż-Żejtun li applikat għall-fondi mill-Unjoni Ewropea permezz tal-proġett LEADER li qed jiġi amministrat mill-Fondazzjoni Galxlokk, b’kofinanzjament ta’ 80% tal-ispiża.
Sors: Newsbook.com.mt