• Il-Fondazzjoni tal-Konkatidral ta’ San Ġwann kixfet ir-restawr li sar fuq il-pittura kbira u maestuża tal-Inkurunazzjoni tal-Verġni Marija, intervent li kien ferm bżonnjuż.

    “Bħala pajjiż, għandna legat kulturali b’saħħtu li jsawwar l-identità tagħna, u permezz tar-restawr ta’ din il-pittura qegħdin ngħinu sabiex nippreservaw u nipproteġu dan il-legat għal ġenerazzjonijiet futuri.F’dawn l-aħħar snin, il-Konkatidral ta’ San Ġwann kellu bosta proġetti li jirrigwardaw ir-restawr li għenu biex jiżdied aktar l-apprezzament mill-komunità lejn dan il-monument storiku,” stqarr il-Ministru għall-Kultura Owen Bonnici. Il-Ministru rringrazzja lill-Fondazzjoni u l-ħaddiema fi ħdanha tax-xogħol siewi li qiegħda tagħmel biex dejjem intejbu u nsaħħu dan il-Konkatidral.

    Wilfrid Buttigieg, President tal-Fondazzjoni tal-Konkatidral ta’ San Ġwann, spjega li “waħda mir-responsabbiltajiet u l-funzjonijiet tal-Fondazzjoni huwa l-konservazzjoni, ir-restawr u l-immaniġjar ta’ dan il-bini storiku dinji, kif ukoll bħala post ta’ qima. Li żżomm post bħal dan bl-aqwa standards hemm prezz xi tħallas. Dan il-proċess ta’ restawr huwa sostnut mid-dħul iġġenerat mill-viżitaturi, bħala wieħed mill-postijiet li l-iktar iżuruh turisti. Ir-restawr ta’ din il-pittura kienet ġiet proposta xi snin ilu wara li kienu meħtieġa diversi interventi. Il-Fondazzjoni għamlet l-iskrutinju kollu biex taċċerta li dan isir bl-ikbar reqqa. Ċertament, din m’hijiex l-aħħar pittura li se tgħaddi minn dan ir-restawr u l-konservazzjoni meħtieġa, hekk kif il-Fondazzjoni għandha pjan ta’ proġetti ppjanati fil-qrib, kif ukoll  fit-tul, li qed jiġu imwettqa mill-impjegati u l-kuntratturi tagħha. Bħala parti mill-proġett tal-mużew il-ġdid ser ninkludu laboratorju tar-restawr, li jinkludi wkoll post minn fejn il-viżitaturi jistgħu jaraw u japprezzaw il-proċess tar-restawr li jkun qed isir fuq l-opri tal-arti; xogħol li f’San Ġwann isir il-ħin kollu u li ma jieqaf qatt.

    Il-Pro-Rettur tal-Konkatidral ta’ San Ġwann, Monsinjur Victor Zammit McKeon, b’entużjazmu qal li “fl-aħħar il-pittura tal-Inkurunazzjoni tal-Verġni Marija issa ġiet restawrata u ninsab ħerqan li nara l-pittura f’postha fis-sagristija fejn jixirqilha. Ir-restawr ġie fi tmiemu fix-xahar ta’ Mejju, li huwa ddedikat lill-Verġni Marija, fl-istess żmien fejn il-Papa Franġisku kien stabbilixxa l-festa ddedikata lill-Verġni Marija bħala ‘Omm il-Knisja’, iċċelebrata it-Tnejn wara Għid il-Ħamsin.

    Is-Sinjura Cynthia de Giorgio, Kuratur u CEO ta’ Konkatidral ta’ San Ġwann spjegat li “s-suġġett tal-pittura huwa oriġinali hekk kif l-Assunzjoni u l-Inkurunazzjoni tal-Verġni Marija huma f’xena waħda. Il-pittura kienet fi stat avvanzat ta’ deterjorazzjoni minħabba l-movimenti li ġarrbet il-pittura, speċjalment meta tneħħiet mit-tilar u tpoġġiet f’maħżen fi żmien il-Gwerra. L-interventi fil-passat kienu jikkonsistu f’żebgħa żejda fuq partijiet sostanzjali tal-pittura li għattew dettalji mill-ikonografija u oskuraw l-estetika oriġinali tal-kompożizzjoni. Is-saffi jew il-passati tal-verniċ li ingħataw lill-pittura tant skuraw maż-żmien li għamlu l-qoxra tal-kanvas skura u fejn kien diffiċli wieħed jifhem x’inhu s-suġġett. Il-metodi ta’ restawr li ntużaw għal dan il-proġett neħħew l-interventi li saru fil-passat u ġabet lura l-pittura qrib l-istat oriġinali tagħha. Il-proċess kixef l-eleganza ikonografika tal-istil mannerista ta’ din il-pittura, prodott tal-aħħar tas-seklu sittax, li issa se titpoġġa f’ambjent sigur.”

    Fr Charles Vella, ir-restawratur prinċipali, spjega li din il-pittura, kbira erba’ metri bi tlieta, sofriet minn kundizzjonijiet ħżiena ta’ konservazzjoni speċjalment fit-Tieni Gwerra Dinjija. Matul is-snin il-pittura sofriet minn restawr ta’ kwalità fqira u maż-żmien madwar 40 fil-mija tal-kulur spiċċa ntilef.

    Il-proċess tar-restawr ħa 11-il xahar fejn l-ewwel ġiet ittrattata t-tila minn quddiem u tneħħiet l-inforra l-qadima minn wara, flimkien ma’ ħmieġ u kolol li trabbew maż-żmien. L-irtokki saru min pigmenti riversibbli u stabbli. It-teknika tal-irtokk saret kif tilob l-etika tar-restawr: li jintgħażel min dak originali permezz ta’ teknika ‘puntinato’. Fl-aħħar tpoġġa l-verniċ ta’ kwalità bħala miżura protettiva.

    Fl-aħħar Fr Vella rringrazzja lill-membri tal-Fondazzjoni u kull min għenu fil-proċess tar-restawr.