• “B’Qalb Imħeġġa” huwa t-titlu tal-Aġġornament tal-Kleru 2019 fejn din is-sena ngħatat ħarsa lejn il-prijoritajiet li l-Knisja f’Malta għandha tpoġġi quddiemha llum meta affaċċjata b’soċjetà pluralista u multikulturali. Kienet ix-xewqa tal-Arċisqof Charles, J. Scicluna u tal-Isqof Awżiljarju Joseph Galea Curmi li s-saċerdoti jagħtu l-kontribut dirett tagħhom biex jindikaw l-għażliet li Alla qed jitlob li jagħmlu b’kuraġġ u ħeġġa.

    B’ispirazzjoni mill-ġrajja ta’ Għemmaws u fid-dawl ta’ Evangelii Gaudium, ġew identifikati erba’ għażliet sabiex jorjentaw il-prijoritajiet tad-djoċesi: Knisja li tisma’, Knisja li tilqa’, Knisja li takkumpanja u Knisja li toħroġ (outreach). Huwa proċess ta’ dixxerniment li jwassal mhux biss lis-saċerdoti imma lill-komunità sħiħa tal-Knisja f’Malta għal pjan pastorali tas-snin li ġejjin.

    Għal dan l-aġġornament ġie mistieden l-Isqof ta’ Antwerp Johan Bonny sabiex jagħti żewġ riflessjonijiet fuq kif is-silta ta’ Għemmaws toffrilna perspettiva fuq kif ngħixu l-missjoni tagħna f’dinja sekularizzata. Mill-esperjenza tiegħu bħala isqof, Mons. Bonny tkellem fuq miżuri prattiċi u konkreti li d-djoċesi tiegħu ħadet fid-dawl tal-Evanġelju biex tirrispondi għall-isfidi li fi ftit ta’ snin oħra anke hawn f’Malta se nkunu qed naffaċċjaw.

    Is-saċerdoti djoċesani u reliġjuzi preżenti għal dawn il-jumejn ta’ taħriġ laqgħu b’mod tajjeb l-idea li l-focus groups tmexxew minn għadd ta’ professjonisti. Dawn jinkludu persuni mill-Fakultà tal‑Ekonomija, Management u Accountancy (FEMA), psikologi u esperti fil-qasam tas-social work, ambjent u familja, kif ukoll mis-settur tal-marketing u r-riċerka soċjali. Dawn il-mistiedna għenu lis-saċerdoti sabiex jidentifikaw it-temi li iridu jiġu indirizzati fil-Knisja u fis-soċjetà Maltija.  

    Dan l-avveniment annwali għas-saċerdoti kollha, li sar fis-Seminarju tal-Arċisqof, jagħti spirtu mġedded fil-ħidma pastorali b’mod speċjali fl-evanġelizzazzjoni u fid-djakonija, fil-mod kif niċċelebraw il-liturġija u l-mod li ngħixu flimkien bħala Knisja.