• Nhar il-Ħadd 22 ta’ Novembru 2015, saret iċ-Ċelebrazzjoni Djoċesana fl-okkażjoni tal-festa Solenni ta’ Kristu Re, Sultan tal-Ħolqien. Din saret fil-Knisja Arċipretali tal-Madonna tal-Grazzja, Ħaż Żabbar. Din iċ-ċelebrazzjoni tmexxiet mill-Arċisqof Charles J. Scicluna u mill-Vigarju Ġenerali Mons. Joe Galea Curmi. Preżenti wkoll l-Arċisqof Emeritu Mons. Pawlu Cremona O.P.

    Fil-messaġġ tiegħu, l-Arċisqof irrifletta fuq is-Saltna ta’ Ġesù Kristu. L-Arċisqof qal li s-Saltna t’Alla hija għal din id-dinja imma mhux skont id-dinja. “Is-Saltna t’Alla hija saltna ta’ paċi, saltna ta’ maħfra u saltna ta’ għaqda”, qal l-Arċisqof.

    B’riflessjoni fuq il-Ġublew tal-Ħniena, l-Arċisqof qal li l-Ġublew m’għandux biss iġagħlna nitolbu maħfra iżda li jwassal lil min jemmen biex jkollu atteġjament ta’ ħniena, u fejn hemm it-tentazzjoni, b’maturazzjoni kbira ma jirrispondix bl-istess mod. Huwa qal li “quddiem ir-rifjut, in-Nisrani jrid jirrispondi b’mod differenti”, filwaqt li wieħed għandu jħares lejn il-kurċifiss biex jieħu r-risposta tal-ħniena. L-Arċisqof qal li wieħed għandu jieħu l-opportunità biex jaħfer tassew wieħed lill-ieħor: “mhux ipatti jew juża kliem iebes, iżda jħenn”.

    L-Arċisqof irrefera għal Kristu bħala s-Sultan tal-Ħolqien, u stqarr li bħala Nsara għandna nipproteġu kemm l-ambjent naturali (b’referenza għall-Enċiklika tal-Papa Franġisku ‘Laudato Si’) kif ukoll il-ħlejqiet umani, anke dawk l-iżjed vulnerabbli. L-Arċisqof għamel enfasi fuq l-embrijun uman, dawk il-ħlejqiet li sa mill-bidu tat-tnissil jistħoqqilhom protezzjoni. F’dan il-kuntest, huwa qal li  “l-liġi trid tkun ukoll espressjoni tal-ħniena tagħna li nħarsu lil min għandu bżonn il-ħarsien”.

    L-Arċisqof irrefera għal dawk il-persuni li jħarsu b’mod negattiv lejn l-immigranti li jgħaddu minn kalvarju biex jaħarbu minn sitwazzjonijiet diffiċli f’pajjiżhom. Jekk xi ħadd minna, għal dawn ħutna juża’ kliem ta’ mibegħda jew kliem ta’ razziżmu, jikkonverti, jibdel il-moħħ tiegħu u l-qalb tiegħu”.

    L-Arċisqof qal li wieħed m’għandux jaqta qalbu quddiem id-dgħjufijiet tiegħu iżda jersaq lejn Ġesù, li hu ‘t-tron tal-grazzja’, fejn Alla jħobb mingħajr ma jistenna xejn lura.

    L-Arċisqof qal ukoll li “l-politika hija servizz ta’ ħniena meta hi għall-ġid komuni”, u talab sabiex il-politiċi u dawk kollha fis-setgħa jagħtu xhieda sabiħa tal-ħniena.

    Fi tmiem iċ-ċelebrazzjoni fis-Santwarju tal-Madonna tal-Grazzja, tħabbar li fil-bidu tal-Ġublew tal-Ħniena, se ssir ċelebrazzjoni fit-13 ta’ Diċembru 2015, li matulha jinfetaħ il-Bieb tal-Ħniena fil-Katidral tal-Imdina. 

  • Messaġġ tal-Arċisqof Charles J. Scicluna

    Santwarju tal-Madonna tal-Grazzja, Ħaż-Żabbar

    22 ta’ Novembru 2015

    Nirringrazzjakom tal-preżenza tagħkom f’din il-Parroċċa Arċipretali, f’dan is-Santwarju għażiż tal-Madonna tal-Grazzja. Nirringrazzja lilek, Sur Edgar Preca tal-preżenza tiegħek f’isem l-għażiża President tagħna. Nirringrazzja lilek Onorevoli George Vella li qed tirrapreżenta lill-Onorevoli Prim Ministru. Insellem lill-Prim Imħallef u lill-Membri Parlamentari. Insellem ukoll lil dawk li qed isegwuwna permezz tar-radju: Radju RTK u Radju Marija.

    Il-Vanġelu li għadna kemm smajna jintroduċina għas-Sena tal-Ħniena, għall-Ġublew li nieda l-maħbub Papa Franġisku propju b’dan il-motto, din it-tema li tikkonkludi l-Vanġelu minn San Luqa, li għadna kemm smajna: “ħennu bħal ma hu ħanin Missierkom” (Lq 6, 36).  Il-kelma ‘missier’ minnha nnifisha tippresupponi li hemm l-ulied. Min hu mwieled għandu missier u l-iben isir missier malli jkollu l-ewwel nisel tiegħu. Meta Ġesù għallimna nitolbu qalilna: “Itolbu hekk: ‘Missierna, li inti fis-smewwiet, jitqaddes ismek, tiġi saltnatek” (Lq 11, 2).  

    Aħna u niċċelebraw is-solennità ta’ Ġesu Kristu, Sultan tal-Ħolqien kollu, weħidha tiġina l-mistoqsija: Sultan ta’ min? U x’jiġifieri Kristu Sultan? Xi tfisser it-talba li għallimna ‘tiġi saltnatek’? Wara kollox, l-ewwel messaġġ tiegħu kif ħalla s-sengħa tal-mastrudaxxa li kien tgħallem f’Nażaret minn missieru Ġużeppi u beda jgħallem kienet: “indmu u emmnu fil-bxara t-tajba, is-saltna t’ Alla waslet”. Ħin minnhom jgħidilhom: “is-saltna t’Alla hija f’nofskom”. Is-saltna t’Alla hija Hu stess, Ġesù stess. Quddiem Pilatu arrestat u umiljat, ma jiċħadx li huwa sultan. Jgħidlu lil Pilatu, lill-awtorità ċivili li kienet qiegħda tiġġudikah: “is-saltna tiegħi mhijiex ta’ din id-dinja” (Ġw 18, 36).

    Il-Papa Franġisku, fil-ħsieb li offra għall-Angelus illum f’nofsinhar, għamel din l-osservazzjoni. Ġesù ma ċaħadx li s-saltna tiegħu hija f’din id-dinja, għaliex, qal il-Papa: ‘mhijiex f’dinja oħra, mhijiex saltna ta’ dinja oħra, hija saltna għal din id-dinja, imma mhix saltna skont din id-dinja’. Il-Papa Franġisku qal: ‘mhix saltna mibnija fuq l-arroganza jew il-manipulazzjoni tal-kuxjenza ta’ ħaddieħor, mhijiex saltna ta’ setgħa temporali’. Allura x’saltna hi? Il-liturġija tgħidilna li hija saltna ta’ paċi, saltna ta’ maħfra, saltna ta’ għaqda.

    Meta naqraw dan il-Vanġelu nifhmu li l-Ġublew tal-Ħniena mhux sempliċement li jiena nagħraf id-dgħufija tiegħi, li hija l-esperjenza tagħna ta’ kuljum, u nitlob maħfra ta’ dnubieti quddiem il-Mulej u nilqa’ l-maħfra tiegħu. Is-Sena tal-Ħniena trid twassalni għal atteġġjament ta’ maturazzjoni kbira, dak li fuqu jitkellem il-Mulej. Il-Mulej qed jgħallimna biex aħna l-Insara, forsi llum iżjed minn qatt qabel, ikollna din is-setgħa spiritwali li jixtieq ħafna jgħaddieha lilna meta jgħidilna: “ħennu bħal ma hu ħanin missierkom”. Is-setgħa li quddiem il-vjolenza ta’ din id-dinja, quddiem l-inġustizzja, quddiem it-terroriżmu, aħna ma nirrispondux bl-istess lingwaġġ, imma jkollna l-qawwa li ġejja minnu li nirreżistu għat-tentazzjoni li nirrispondu bi vjolenza għall-vjolenza, bil-vendetta għall-ħsara li ssir. Dan hu li tfisser taħfer lill-għadu tiegħek. Ma tfissirx li tgħidlu: ‘kemm għamilt tajjeb ħabib, tajtni daqqa ta’ ħarta, erġa agħtini oħra’. Il-Mulej, meta jitkellem tant qawwi fuq li min jagħtik bil-ħarta fuq naħa waħda, iddawwarlu wiċċek ħalli jagħtik fuq in-naħa l-oħra, qed jantiċipa l-atteġġjament tiegħu f’nhar il-Ġimgħa l-Kbira. Ma offriex reżistenza għal dawk li sawtuh, imma lil min tah daqqa ġo wiċċu qallu: ‘għaliex għamiltha ħabib? Għaliex għamilt hekk?’ (ara Ġw 18,23).

    Hu, li fi tfulitu, ta’ erbgħin jum ġie mħabbar minn Xmun il-profeta fit-tempju bħala sinjal li jmeruh, għallimna li quddiem ir-rifjut,quddiem il-vjolenza tad-dinja, in-Nisrani jrid jirrispondi b’lingwaġġ differenti. Fuq is-salib, ħallihom mhux biss jeħdulu l-mantar imma anke l-libsa, tant li ma qasmuhiex bejniethom imma tellgħuha bix-xorti. Qalu: “din ma naqsmuhiex” (Ġw 19, 24). U għalhekk dak kollu li qed jitlob minna jfakkarna li rridu nħarsu lejh kurċifiss fuq is-salib biex nitgħallmu r-risposta fundamentali tal-ħniena.

    L-aħwa, ejjew bħala Nsara, bħala Knisja, bħala soċjetà, nieħdu l-opportunità li qed tagħtina din is-Sena qaddisa tal-Ħniena biex naħfru tassew mill-qalb lil xulxin, biex inkomplu l-proċess ta’ rikonċiljazzjoni li għad irid ikompli, imma nkompluh, ma nwaqqfuhx! Ejjew meta niftakru kemm weġġajna lil xulxin, ngħidu: ‘hemm bżonn nieqfu nkunu vittmi tad-dnubiet tagħna nfusna, hemm bżonn nieqfu milli npattuha lil xulxin, milli nużaw kliem iebes kontra xulxin’. U għalhekk inkunu tassew qegħdin nagħmlu l-isbaħ opri tal-ħniena, “ħennu bħal ma hu ħanin missierkom.

    Din il-ġimgħa aħna, bħala Ewropej, konna skossi mid-daqqa ta’ stallett tar-terroriżmu. Kif se nirrispondu għal tant vjolenza? Aħna bħala komunità ta’ fidi, meta nisimgħu li dawn l-affarijiet orribbli jsiru f’isem Alla, nitkexkxu, nitkexkxu, bħalma qal il-Papa: “hija l-ikbar dagħwa”. Li tuża dik il-vjolenza li toqtol nies innoċenti, li qegħdin jifirħu bil-ħajja tagħhom u toqtolhom f’qasir il-għomor! Min jagħmel hekk qed jagħmel l-ikbar ħsara, qed joffendi l-qalb tal-Ħallieq.

    Illum qegħdin nagħmlu festa lil Ġesù Kristu, Sultan tal-Ħolqien. Bħal kelma ‘missier’, hekk ukoll il-kelma ‘ħolqien’, tippresupponi li hemm xi ħadd li ħalaq, li hemm il-Ħallieq. Meta din is-sena, il-Papa Franġisku tana dak id-dokument sabiħ fuq il-ħarsien tal-ħolqien, fuq il-ħarsien tal-ambjent, l-Enċiklika ‘Laudato Si’, għażel il-kelma ħolqien minflok ambjent, għax il-ħolqien huwa l-ambjent li aħna ngawdu. Imma l-kelma tfakkarna li dik is-sbuħija li għandna bżonn inħarsu, anke jekk hija ambjent mibni, huwa don li ġej minn Alla permezz ukoll ta’ missirijietna. Il-ħolqien jippresuponi mhux biss li jiena nħares lejn min ħalaq dak li qed nuża’ u qed nieħu pjaċir bih, qed nieħu gost fih u nfaħħru bħalma għamel San Franġisk: ‘tkun imbierek għal oħtna x-xemx, ikun imbierek għal ħuna l-qamar’, imma wkoll niftakar li fejn hu possibbli jiena wkoll irrid nieħu ħsieb ħuti anke dawk li għadhom ma twieldux.

    Ejjew, din is-sena nifhmu li l-kelma ħniena tfisser ukoll responsabbiltà li aħna nħarsu lill-iżjed vulnerabbli, il-ħlejqa li għandha l-iżjed bżonn tal-protezzjoni. Ejjew nibdew mill-ħlejqa umana mill-bidunett tat-tnissil. Dik ukoll hija ħniena, li aħna nagħmlu ħilitna u kull ma nistgħu biex nipproteġu l-ħajja mnissla sa mill-bidunett, li sal-ewwel tmien ġimgħat tissejjaħ embrijun, imbagħad wara tmien ġimgħat ikollha isem ieħor, imma hija l-istess ħlejqa li malli mbagħad titwieled il-liġi tgħarafha wkoll bħala persuna. Imma l-liġi, fil-protezzjoni li tagħtiha, ma toqgħodx tgħid: ‘imma inti persuna?’ Dik tiġi wara. Il-protezzjoni il-liġi tagħtihielek mill-bidu tal-eżistenza tiegħek. U tagħmel tajjeb għax il-liġi trid tkun ukoll espressjoni wkoll tal-ħniena tagħna li aħna nħarsu lil min għandu bżonn il-ħarsien.   

    Illum kont qed naqra magazin li ġie ma’ ġurnal ta’ nhar ta’ Ħadd, fuq is-sofferenza u l-umiljazzjonijiet li jgħaddu minnha dawk ħutna immigranti li wħud minnhom jaslu fi xtutna, oħrajn fi xtut oħra tal-Mediterran, huma u ġejjin. Dan l-artiklu kien fuq il-vjolenza fuq l-irġiel, u titwaħħax taqra’: is-sofferenza, l-umiljazzjoni! Meta aħna nilqgħuhom lil dawn ħutna fix-xtut tal-Ewropa, aħna qed nilqgħu nies li diġà għaddew minn kalvarju kbir. Dik ukoll hija ħniena.

    Inbierek lis-soċjetà tagħna li meta titkellem fuq dawn ħutna, avolja jkun hemm it-tentazzjoni li nibżgħu jew ikollna paniku tal-biża’, nużaw kliem ta’ mħabba u ta’ rispett. U jiena qed nkellem lil komunità tiegħi bħala Ragħaj. Ħa nkellimkom ċar l-aħwa: Jekk xi ħadd minna, għal dawn ħutna juża’ kliem ta’ mibegħda jew kliem ta’ razziżmu, jikkonverti, jibdel il-moħħ tiegħu u l-qalb tiegħu. Ma jixraqx kliem ta’ tkasbir u ta’ disprezz fil-fomm tan-Nisrani. Anke din hija ħniena, li meta aħna qegħdin fil-biża’ jew fit-terrur, nieqfu qabel nużaw kliem iebes fuq ħutna.

    Aħna għandna naqtgħu qalbna? Le. Kultant naqtgħu qalbna minħabba d-dgħufija tagħna, u d-dgħufija tagħna magħrufa u jekk ninsewha nkunu boloħ. L-Ittra lil-Lhud, li qrajna silta’ minnha f’dan l-Għasar solenni, tgħidilna li l-kelma hija profezija fil-bidu tas-Sena tal-Ħniena. Aħna m’għandniex qassis il-kbir li ma jistax jagħder id-dgħufija tagħna, imma għandna wieħed, li huwa Ġesù, li kien imġarrab bħalma f’kollox minbarra d-dnub” (Lhud 4, 15). Imma jekk irridu nemmnu f’Ġesù, irridu nemmnu fih bħala dak li jagħdirna, li jaf id-dgħufija tagħna. U l-eżortazzjoni tal-Ittra lil-Lhud hija ċara: “ħa nersqu mela b’qalbna qawwija lejn it-tron tal-grazzja” (v 16).

    Qegħdin fis-santwarju tal-Madonna tal-Grazzja; jekk hawn x’imkien f’Malta fejn hawn it-tron tal-grazzja, huwa hawn. Imma ejjew b’qalbna qawwija ma naqtgħux qalbna, nersqu lejn it-tron tal-grazzja. Imma grazzja xi tfisser? Imħabba fejn m’hemmx imħabba! Dik hi l-grazzja. Il-Mulej ma qagħdx joqgħod ifittex il-wiċċ ħelu tagħna biex iħobbna, ma qagħdx jara l-qdusija tagħna jew inkella l-punti li ġibna fil-pitazz tal-ħajja tagħna, jew inkella l-bolli li kellna fuq il-ktieb tar-ration, għal min jiftakru, biex jgħid: ‘iva, għandi biżżejjed punti biex jien inħobbok’.

    L-imħabba tiegħu hija mħabba tal-grazzja, iħobb mingħajr ma jistenna xejn u mingħajr aħna m’ għamilna xejn. Anzi, San Ġwann jgħid: “konna għedewwa tiegħu u ħabbna”.  Dak hu l-frott tal-grazzja, il-qalb ta’ Ġesù li tħobb u ma tafx ħlief tħobb. U hekk,jgħid l-awtur tal-Ittra lill-Lhud: “naqilgħu ħniena u nsibu f’waqtha l-grazzja li neħtieġu” (v 16). U f’dan it-tieni mument, il-grazzja issir għajnuna fil-pellegrinaġġ tagħna, fil-mixja tagħna. Mela s-Sena tal-Ħniena tfakkarna li meta naħsbu fi dnubietna, nistqarruhom, għax il-Mulej iħobbna mingħajr ma jippretendi li aħna perfetti.

    It-tieni stedina hi biex nuru l-ħniena ma’ min inqasnih, ma’ min għadu m’aċċettaniex għax irrabjat ħafna għalina, u ħniena ma’ min huwa l-iżjed vulnerabbli fis-soċjetà tagħna. Aħna u ngħixu din is-sena ta’ grazzja, nitolbu d-don tal-paċi fuq il-Mediterran u nitolbu d-don tal-paċi fuq pajjiżna. Ejjew nitolbu għal min għandu s-setgħa f’pajjiżna biex permezz tagħha juri l-ħniena mal-poplu tagħna. Il-politika hija servizz ta’ ħniena meta hi għall-ġid komuni, u jiena din hi l-barka li nitfa fuq il-membri tal-Parlament, il-membri tal-Gvern, fuq il-Ġudikatura, fuq dawk kollha li jaqdu lis-soċjetà, biex huma jkunu xhieda sabiħa tal-ħniena. U ejjew nitolbu għalina wkoll biex qabel nippretendu ħafna affarijiet minn ħaddieħor, inkunu aħna li nagħtu eżempju, li aħna parti minn dis-saltna ta’ paċi, ta’ għaqda, ta’ maħfra – is-Saltna ta’ Ġesù.

    ✝ Charles J. Scicluna 

       Arċisqof ta’ Malta