Archbishop Celestino Migliore

“Qabel ma jista’ jkun hemm liberta reliġjuża awtentika, għandu jkun hemm bidla fil-qlub fejn jirrigwarda t-tolleranza u r-rispett lejn reliġjonijiet oħra u l-kulturi differenti”, qalet is-Santa Sede.

L-Arċisqof Celestino Migliore, osservatur permanenti tas-Santa Sede għall-Ġnus Maqgħuda, tkellem dwar il-liberta reliġjuża f’indirizz li ta fl-64 sessjoni tal-Assemblea Ġenerali tal-Ġnus Maqgħuda.

L-Arċisqof beda billi rrikonoxxa li l-Ġnus Maqgħuda ħadem biex jippromwovi u jipproteġi “d-drittijiet umani u l-libertajiet fundamentali, id-diversita kulturali u l-eliminazzjoni ta’ kull forma ta’ intolleranza reliġjuża fid-dinja”. Minkejja l-promozzjoni tad-dritt tal-liberta reliġjuża, kompla, id-dritt għal-liberta tal-espressjoni reliġjuża “qed ikompli jkun miksur”.

“Sfortunatament, mhemm l-ebda reliġjon li hi ħielsa mid-diskriminazzjoni”, ilmenta r-rappreżentant tas-Santa Sede. “Atti ta’ intolleranza u ksur tal-liberta reliġjuża, illum huma manifestati f’diversi forom”.

L-Arċisqof Migliore innota li d-diskriminazzjoni tista’ tieħu l-forma ta’ “strutturi legali u kulturali li jwasslu għaliha” jew għal atti ta’ vjolenza jew vandaliżmu.

L-Arċisqof Migliore kompla li “fl-aħħar xhur xi pajjiżi tal-Asja u tal-Lvant Nofsani raw attakki fuq il-komunitajiet tagħhom, b’nies li spiċċaw mejta, oħrajn midruba, bi djar maħruqa. Azzjonijiet imwettqa minn estremisti b’rispons għal akkużi kontra individwi”.

Temm jgħid li “il-Gvernijiet għandhom jindirizzaw il-kawżi tal-intolleranza reliġjuża u jieħdu kontroll tal-liġijijiet li qed jintużaw bħala strumenti ta’ abbuż”.