• Il-Premju Dun Mikiel Azzopardi għas-sena 2017 ingħata lis-Sorijiet tal-Karità bħala turija ta’ rikonoxximent u apprezzament għall-50 sena ta’ ħidma fid-Dar tal-Providenza. Il-premju ngħata lil Suor Natalie Abela, id-delegata Maltija għall-Provinċja Malta-Italja flimkien ma’ Suor Lorenza Borg, Superjura tal-komunità tas-sorijiet li jaħdmu d-Dar tal-Providenza.

    Dan tħabbar minn Dun Martin Micallef, Direttur tad-Dar tal-Providenza, waqt kunċert li sar fil-Kon Katidral ta’ San Ġwann mill-Banda tal-Forzi Armati ta’ Malta taħt il-patroċinju distint tal-E.T. il-President tar-Repubblika, s-Sinjura Marie-Louise Coleiro Preca u l-E.T. l-Arċisqof ta’ Malta, Mons. Charles J. Scicluna.

    Il-Premju Dun Mikiel Azopardi jingħata kull sena mid-Dar tal-Providenza biex jirrikonoxxi l-kontribut volontarju ta’ persuni jew organiżżazzjonijiet fil-qasam tal-persuni b’diżabilita’ f’Malta u Għawdex. Dan il-Premju tnieda għall-ewwel darba fl-1995, f’għeluq it-tletin sena mit-twaqqif tad-Dar tal-Providenza.

    Dun Martin qal li l-50 anniversarju tal-ħidma tas-Sorijiet tal-Karità jistedinna nħarsu ‘l quddiem biex dak li nbena tul dawn is-snin kollha nkomplu nimpenjaw ruħna li inkompluh u ntejbuħ.  “Id-Dar tal-Providenza hija impenjata li tkompli tkun sinjal għas-soċjetà Maltija li l-persuni b’diżabilità jistħoqqilhom bħal kull persuna oħra r-rispett, id-dinjità u d-drittjiet dovuti lilhom mill-konċepiment tal-mewt. Għad hawn minn jiddiskrimina imma aħna rridu nkomplu nistinkaw biex il-persuni b’diżabilità jingħataw dak li hu tagħhom bi dritt fis-soċjetà u fil-Knisja.”

    Fl-1965 meta Dun Mikiel Azzopardi beda l-ħidma biex jibni fis-Siġġiewi l-ewwel Dar f’Malta għall-persuni b’diżabilità ħass li ma setax imexxi din id-Dar mingħajr l-esperjenza ta’ xi kongregazzjoni reliġjuża.  Wara li fallewlu t-tentattivi tiegħu mal-Gwaneljani tal-Italja u s-Sorijiet Franġiskani Maltin huwa rrrikorra għas-Sorijiet tal-Karità, li issa kienu stabilixxew sew fil-ħidma karittatevoli tagħhom f’Malta.

    Minn dakinhar sal-lum, din il-komunità baqgħet taqdi lir-residenti tad-Dar b’dedikazzjoni u imħabba kbira.  42 soru taw is-servizz tagħhom lir-residenti tul il-50 sena tal-ħidma tagħhom f’din id-Dar.  Tul dan iż-żmien is-superjuri ta’ din il-komunità kienu Suor Maria Assunta Mallia, Suor Annunziata Cortis, Suor Cecilia Frendo, Suor Maria Ersilia Mifsud, Suor Madalena Fava, Suor Maria Antida Mifsud u Suor Lorenza Borg.

    Id-diskors ewlieni  sar minn Isabelle Bonello, tfajla b’diżabilità intellettwali li dawn l-aħħar snin ħadmet fuq riċerka inklussiva flimkien mal-Dipartiment tal-Istudji dwar id-Diżabilità fi ħdan l-Università ta’ Malta dwar l-esperjenza ta’ protezzjoni żejda fil-ħajja ta’ persuni b’diżabilità intellettwali f’Malta.  Isabelle Bonello tkellmet dwar kemm l-għajnuna hi importanti ħafna fil-ħajja tal-persuni b’diżabilità intellettwali. “Ngħid għalija, meta nsib persuni li jgħinuni u jfehmuni bil-mod jien nitgħallem u nsir kapaċi nagħmel affarijiet ġodda. Per eżempju, fuq ix-xogħol sibt min igħallimni nuża l-iscanner u issa qed naħdem sigħat itwal u naqla’ iktar paga. L-Aġenzija Sapport kienu tawni sapport worker biex tgħinni nitgħallem nuża tal-linja waħdi, u llum immur f’ħafna postijiet b’tal-linja. Insib ukoll għajnuna mill-familja. Meta taħdmu ma’ persuni b’diżabilita intelletwali importanti li ma taqtawlhomx qalbhom. Fejn ma taslux, kunu kalmi u jekk hemm bżonn tispjegaw aktar minn darba. Fejn il-persuna tibqa’ jkollha bżonn l-għajnuna, xorta għandna nisimgħuha u ngħinuha biex tagħmel dak li tixtieq.” 

    Fid-diskors tiegħu l-Arċisqof Mons. Charles J Scicluna rringrazja lill-Forzi Armati u lil Kap Kmandant ta’ din l-esperjenza sabiħa u din il-kollaborazzjoni bejn il-Forzi Armati,  l-Istat u d-Dar tal-Providenza. Huwa ddeskriva l-Kunċert bħala “esperjenza ta’ solidarjetà”.

    L-Arċisqof irringrazzja wkoll lis-Sorijiet tal-Karità talli l-kelma ta’ Ġesù, kuljum jagħmluha xhieda konkreta. “Intom parti mis-sbuħija tal-Knisja. Il-Katidral sabiħ, imma is-sbuħija tal-Knisja qiegħda fix-xhieda tal-Evanġelju u jien nirringrazzjakom ukoll għax naf mill-esperjenza personali li x-xhieda tagħkom tagħmluha wkoll bit-tbissima anke f’mumenti diffiċli, b’dik is-serenità.”

    Fid-diskors tagħha l-President ta’ Malta, l-E.T. Marie-Louise Coleiro Preca, irringrazzjat lill-ħaddiema kollha tad-Dar tal-Providenza, il-ġenituri u lil dawk kollha li jagħtu daqqa t’id fid-Dar tal-Providenza.  Irringrazzjat ukoll lis-Sorijiet tal-Karità u stqarret li huma jiskantawha għax m’hawnx aspett wieħed ta’ vulnerabilità li dawn is-sorijiet ma ssibhomx minn ta’ quddiem. “Nixtieq nirringrazzjakom f’isem il-poplu Malti u Għawdxi, għax ix-xhieda li qed tagħtu tat-tagħlim soċjali tal-Knisja qed tagħmluh b’risq il-Maltin u l-Għawdxin kollha.”

    Il-Banda tal-Forzi Armati ta’ Malta kienet taħt id-direzzjoni tas-Surmast WO1 Jonathan Borg. Il-programm mużikali kien jinkludi siltiet minn kompożizzjonijiet mużikali ta’ Howard Hanson, Ludwig Van Beethoven, Ellis Brooks, Joseph Haydn, George Frideric Handel, Mro Joseph Sammut, Antonio Nani u Mro George Zammit. Il-Banda tal-Forzi Armati ta’ Malta kienet akkumpanjata mill-Coro Bel Canto bis-sehem tat-tenur Gnr Georg, it-tenur Charles Vella Zarb u l-baritonu Alfred Camilleri.

    Il-kunċert kien organizzat mid-Dar tal-Providenza bil-kortesija tal-Fondazzjoni tal-Konkatidral ta’ San Ġwann u bl-għajnuna tas-Sur Tonio Bonello.

    Rebbieħa tal-imgħoddi tal-Premju Dun Mikiel Azzopardi:

    1995:  Dr Lawrence Gonzi LL.D. u s-Sinjura Mari Lowell

    1997:  Sur Paul Mifsud u s-Sur Lewis Portelli

    1998:  Mons. Manuel Curmi

    1999:  Dun Charles Fenech O.P.

    2000:  Sur Joseph M. Camilleri

    2001:  Dr Carmelo Vella, M.D.

    2002:  Sinjura Victoria Demanuele

    2003:  Suor Maddalena u Suor Fortunata Fava

    2004:  Sur John Peel

    2005:  Sur John Micallef

    2006:  Sur Tonio Bonello u s-Sur Albert E. Vella

    2007:  Sinjura Yvonne Eastman

    2008:   Sur Alfred Bezzina

    2009:  Sur Denis Azzopardi, President tal-Grupp Distrofija Muskolari u l-Liċeo tal-Ħamrun, Kulleġġ San Ġorġ Preca

    2010   Mons. Lawrence Gatt u Dun Ġużepp Borg Micallef

    2011   Dun Lino Cardona SJ, u s-Sinjuri Blanche Mifsud u Mary Verzin

    2012   Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’Diżabilità (KNPD)

    2013   Adelina u Marcel Pisani

    2015   Anġela Agius

    2016   Dar il-Kaptan

  • Ritratti: Dar tal-Providenza