Copenhagen summit on climate change

Wara s-summit ta’ Copenhagen, l-Osservatur Permanenti tas-Santa Sede għall-Ġnus Maqgħuda, Mons Celestino Migliore esprima t-tama li l-“konverżjoni ekoloġika” li jitkellem fuqha l-Papa Benedittu XVI tieħu sura “fuq kull livell” u tiġi tradotta “f’politika fejjieda” issa li għadda s-summit dwar il-bidla fil-klima, li beda fis-7 u ntemm fit-18 ta’ dan ix-xahar ta’ Diċembru f’Copenhagen.

Mons Migliore, li mexxa d-delegazzjoni tal-Vatikan għas-summit ta’ Copenhagen, tkellem u kkummenta dwar l-eżitu tas-summit f’intervista mal-aġenzija SIR online. Fisser is-sitwazzjoni “bħall-każ ta’ muntanja li tagħti l-ħajja lil ġurdien. Muntanji ta’ riżorsi umani u loġistiċi, ħin, laqgħat, dibattiti u negozjati li wasslu għal riżultat fqir”. Kompla li “l-impenn politiku biex jinżammu iktar taħdidiet dwar xi parametri ta’ tnaqqis tal-gassijiet serra; it-talba tal-Istati Uniti u ta’ pajjiżi oħra biex ikunu allokati 100 biljun dollaru lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw; xi konvenzjonijiet dwar deżertifikazzjoni; diforestazzjoni u biodiversita li dwarhom ilkoll kien hemm qbil diġa – għadhom ma kenux addottati”.

L-Arċisqof qal li jittama li l-konferenza “serviet ta’ stimolu għar-responsabbilta tal-mexxejja u sabiex titqanqal kuxjenza pubblika dwar il-kwistjoni. Għaldaqstant, ir-riżultat jista’ biss jidher fuq medda ta’ żmien”.