L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

“Jiena r-ragħaj it-tajjeb” (Ġw 10:11). Din smajnieha llum b’enfasi fis-silta mill-Evanġelju skont San Ġwann, u din tagħtina l-ispirazzjoni għall-ħidma li nagħmlu mat-tfal u mal-adolexxenti.

Relazzjoni miegħu

Dan għax fl-aħħar mill-aħħar il-ħidma tagħna għandha tkun indirizzata lejn ir-relazzjoni ma’ Ġesù, ir-ragħaj it-tajjeb. Ikun qabelxejn ir-ragħaj it-tajjeb tagħna li jmexxina, aħna u nagħmlu din il-ħidma, kull wieħed u waħda minna. Fl-istess waqt, l-iskop ta’ dak kollu li nagħmlu hu biex ngħinu lit-tfal u lill-addolexxenti jiltaqgħu ma’ Ġesù, ikollhom relazzjoni personali ma’ Ġesù, u li jkun hu r-ragħaj it-tajjeb tagħhom.

Hu r-ragħaj it-tajjeb li jieħu ħsiebhom, li jħarishom, li qiegħed magħhom f’mumenti partikolarment diffiċli, li jerfagħhom fuq spallejh, li jmexxihom fit-triq it-tajba. Il-Papa Franġisku fl-Eżortazzjoni Appostolika tiegħu Il-Ferħ tal-Evanġelju jgħid dan proprju fil-bidu nett. Jgħid li l-iskop tal-ħidma kollha tagħna għandha tkun li ngħinu lill-bniedem jiltaqa’ ma’ Ġesù, u li nħallu lil Ġesù jiltaqa’ mal-bniedem. Nistgħu nagħmlu ħafna attivitajiet, u jkunu kollha tajbin, imma fl-aħħar mill-aħħar l-iskop f’dak li nagħmlu għandu jkun dan.

Meta nżommu dan f’moħħna, imbagħad Ġesù jgħinna biex nagħrfu wkoll l-ispirtu li bih għandna nagħmlu din il-ħidma tagħna, li hu l-ispirtu tiegħu: spirtu ta’ mħabba, ta’ kompassjoni, ta’ attenzjoni lejn kull wieħed u waħda, spirtu li jgħinna nagħrfu fejn nistgħu ngħinu lit-tfal u l-adolexxenti.

Nixtieq insemmi tliet punti li joħorġu minn din is-silta u li huma ta’ ispirazzjoni għall-ħidma tagħna, b’rabta wkoll ma’ dak li ngħixu fis-soċjetà tagħna.

Kultura tal-laqgħa (encounter)

Ġesù jgħinna biex fil-ħidma tagħna aħna nkunu ta’ għajnuna għat-tfal u l-adolexxenti biex jiltaqgħu u ma’ xulxin, u joħorġu mill-kultura tal-individwaliżmu. Il-Papa Franġisku jsemmi l-‘culture of encounter’, tradotta bil-Malti tiġi ‘l-kultura tal-laqgħa’, f’kuntrast mal-individwaliżmu. Aħna nafu li fis-soċjetà nħossu ħafna dan l-individwaliżmu, jiġifieri li wieħed ifittex lilu nnifsu, dak li lilu jmexxih ’il quddiem, imma mhux daqshekk ir-responsabbiltajiet lejn l-oħrajn u din il-laqgħa flimkien mal-oħrajn.

Għalhekk hu importanti li lit-tfal u lill-adolexxenti ngħinuhom joħorġu mill-individwaliżmu u japprezzaw is-sabiħ tal-laqgħa ma’ Ġesù u ma’ xulxin. Meta aħna flimkien, meta nkunu “merħla waħda, ragħaj wieħed” (Ġw 10:16), kif isemmi fl-Evanġelju, meta jkollna l-possibbiltà li niltaqgħu ma’ xulxin, hemm nilħqu aktar l-iskop tal-ħajja tagħna. Infittxu l-iskop tal-ħajja tagħna mhux għal rasna, maqtugħin minn mal-oħrajn, imma flimkien mal-oħrajn.

Kultura tal-ħajja

Ġesù jgħinna wkoll biex nagħżlu l-kultura tal-ħajja, li hi f’kuntrast mal-kultura tal-mewt. Hawn fl-Evanġelju Ġesù jgħid sentenza tant importanti: “Jien ġejt biex ikollkom il-ħajja, u l-ħajja bil-kotra” (Ġw 10:10). Qed jgħid li huwa hu li jagħtina l-ħajja fil-milja tagħha, huwa hu li jgħinna napprezzaw is-sabiħ tal-ħajja.

Nafu kemm hu importanti dan għal żmienna, meta rridu ngħinu aktar lil xulxin nagħżlu l-ħajja b’kuntrast mal-għażla tal-qerda tal-ħajja. U din f’kull waqt tagħha, mill-ewwel mument, meta diġà hemm ħajja umana. Hu importanti li aħna katekisti u nies impenjati fil-parroċċa jkollna fina din l-għożża tal-ħajja mill-ewwel mument tagħha, u li nkomplu ngħożżuha f’kull waqt tagħha sat-tmiem naturali tagħha.

Din tgħinna biex naħdmu kontra l-kultura tal-mewt li hi tant preżenti fis-soċjetà tagħna, taħt forma jew oħra; speċjalment ukoll biex ma nitqarrqux minn dak li kultant naraw u nisimgħu li fil-fatt iwassal għall-qerda tal-ħajja.

Kultura tal-inklużjoni

Ġesù jgħinna biex nagħżlu l-kultura tal-inklużjoni f’kuntrast mal-kultura tal-iskart. L-inklużjoni tfisser li kull ħajja umana għandha d-dinjità tagħha u hi għażiża. Nużaw il-kelma ‘inklużjoni’ ħafna drabi f’kuntest tal-persuni b’diżabbiltà, u fil-fatt hi tgħinna napprezzaw id-diversità fl-umanità. Ngħinu, għalhekk, lit-tfal u l-adolexxenti japprezzaw il-kultura tal-inklużjoni, f’kuntrast mal-kultura tal-iskart.

Il-Papa Franġisku jsemmi ħafna din il-kultura tal-iskart, li tfisser li bniedem tiskartah, jew teliminah. Aħna nafu kemm hu messaġġ importanti għalina, speċjalment fis-soċjetà tagħna, meta daħlet idea li inti tagħżel bejn ħajja denja biex tgħixha u ħajja li mhijiex denja; bejn ħajja li tista’ tiġi żviluppata, u ħajja li minħabba xi kundizzjoni tagħha inti tqiegħda fil-ġenb u tispiċċa mwarrba. Din hi mentalità prevalenti f’ċerti setturi tas-soċjetà tagħna. Lilna għandha tilluminana biex noqogħdu attenti ħafna ħalli dejjem inwasslu l-messaġġ li kulħadd hu importanti, kulħadd għandu valur, kull min għandu xi kundizzjoni jiswa daqs ħaddieħor quddiem Alla. Hekk irridu ngħinu lit-tfal u lill-adolexxenti biex jidraw jikbru f’din il-kultura ta’ apprezzament tad-diversità, fejn kulħadd għandu post, ħadd mhu mwarrab.

Nitolbu lil Ġesù r-ragħaj it-tajjeb biex ikompli jilluminana fil-ħidma tagħna. Nirringrazzjakom mill-qalb għall-ħidma tagħkom magħmula b’dedikazzjoni u ġenerożità. Nitolbu biex inkomplu nagħmlu din il-ħidma b’dan l-ispirtu ta’ Ġesù: li nsaħħu r-relazzjoni sabiħa flimkien, li nuru apprezzament għal kull wieħed u waħda minnha u ngħożżu l-ħajja f’kull waqt tagħha, u nagħrfu nwasslu l-messaġġ li kulħadd għandu valur f’din il-ħajja li jagħtina l-Mulej.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju