Abuses in Holland

Wara rapport li ħareġ dwar abbużi sesswali mwettqa minn membri tal-kleru fl-Olanda, l-Isqfijiet tal-pajjiż esprimew is-sogħba tagħhom u wiegħdu ġustizzja u appoġġ mal-vittmi.

Il-Kummissjoni Deetman investigat l-allegati abbużi fil-konfront ta’ minuri, li ngħad li saru bejn l-1945 u l-2010. Il-Kummissjoni twaqqfet mill-Knisja u interrogat b’kollox mal-34,000 persuna. Hija sabet li l-ikbar parti tal-abbużi saru qabel l-1981, wara liema sena, minħabba bidliet fil-liġi, kien hemm inqas djar tat-tfal immexxija mill-Knisja. Il-Kummissjoni testima li kienu abbużati bejn 10,000 u 20,000 minuri.

Skont rapport ta’ Radio Vatikan, l-awtoritajiet tal-Knisja fl-Olanda ammettew li fil-passat ma tawx priorita biżżejjed  lill-vittmi meta trattaw dawn il-problemi.L-awtoritajiet tal-Knisja Olandiża ammettew ukoll li ma kenux biss il-minuri li sofrew minn tbatija kbira wara li spiċċaw vittmi ta’ dawn l-abbużi, iżda anki l-familji tagħhom, li afdaw fil-Knisja u s-saċerdoti tagħha.

Huma rriaffermaw il-pożizzjoni tagħhom li kull forma ta’ abbuż sesswali imur kontra d-dinjita tal-bniedem u kontra l-Vanġelu ta’ Kristu. “Dawn l-abbużi isibu dejjem il-kundanna u ma għandhomx isibu posthom fil-Knisja”, komplew.Il-Knisja Olandiża impenjat lilha nnifisha li timplimenta l-miżuri meħtieġa skont ir-regoli tal-Knisja u li tieħu dawk il-passi legali kollha neċessarji kif mitlub mil-liġi tal-pajjiż.