L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

“Nazju Falzon kellu ħeġġa kbira biex iwassal l-Evanġelju u biex jgħallem il-fidi Kattolika. Hu qiegħed il-ħafna talenti tiegħu u l-preparazzjoni intellettwali tiegħu għas-servizz tal-katekeżi.” Dan hu l-kliem li qal il-Papa Ġwanni Pawlu II, illum qaddis, meta fis-sena 2001 kien Malta biex imexxi ċ-ċelebrazzjoni tal-beatifikazzjoni ta’ Nazju Falzon, flimkien ma’ ta’ Dun Ġorġ Preca u Adeodata Pisani.

Hu kliem li jurina kif dan il-beatu, li għex f’epoka differenti, għandu ħafna x’jgħidilna wkoll għall-ħajja tagħna llum. Nazju Falzon twieled bħal-lum fl-1813, u miet bħal-lum, f’għeluq sninu, fl-1865. Kien żmien differenti. Imma baqa’ magħruf għall-ħidma tiegħu ta’ katekeżi, b’mod speċjali fost is-suldati u l-baħrin Ingliżi li kienu stazzjonati hawn Malta. Kellu l-ħeġġa biex lil dawn – ħafna minnhom ma kinux Kattoliċi – jgħinhom biex jersqu lejn il-fidi Kattolika, u kien jagħmel dan fi djalogu magħhom, xi ħaġa mhux daqshekk komuni dak iż-żmien. Kien jiddjaloga magħhom, jgħinhom, jinteressa ruħu wkoll mill-ħajja tagħhom, u fl-istess waqt iressaqhom għall-fidi Kattolika.

Biex jagħmel dan, Nazju Falzon għamel għażla. Hu kien studja l-liġi, kien avukat, imma għażel li ma jimxix f’din il-professjoni – li kienet tkun ħaġa sabiħa wkoll – imma li jidħol minflok għal din il-ħidma ta’ katekeżi bħala kjeriku. Għażel ukoll li ma jsirx saċerdot – tnejn minn ħutu saru saċerdoti – imma hu għażel li jibqa’ kjeriku katekist. F’din l-għażla tiegħu, kien tant ta’ xhieda sabiħa, li n-nies kienu jaraw fih mhux biss dik l-enerġija imma wkoll ħafna ferħ u paċi. Għamel ħafna ġid, speċjalment bil-kelma tiegħu u wkoll bix-xhieda li ta.

Minn fejn kien iġib il-forza, il-qawwa għal din il-ħidma tiegħu Nazju Falzon? Il-Papa Ġwanni Pawlu II, meta kien Malta għaċ-ċelebrazzjoni tal-Beatifikazzjoni, fisser dan: qal li Nazju Falzon kien iġib il-qawwa tiegħu mill-Ewkaristija, mill-imħabba lejn Ġesù. Kien jagħmel ħafna ħin quddiem it-tabernaklu, quddiem Ġesù, u hemm jirċievi din il-qawwa; kif ukoll l-imħabba lejn Ommna Marija u t-talba tar-Rużarju, u lejn San Ġużepp. Dawn kienu l-għejun prinċipali li minnhom xorob Nazju Falzon, u li tawh il-qawwa biex jista’ jaqdi din il-missjoni tiegħu hekk sabiħa.

L-akbar għadu hi l-injoranza, għax tagħmilna vittmi tal-qerq u tal-misinformazzjoni, kif kellu anke l-opportunità li jispjega l-Papa Franġisku reċentement. Jekk nieħdu bis-serjetà t-tagħlim, ikollna l-għeruq sodi fil-ħajja tagħna Nisranija, b’formazzjoni li tibnina tassew

Hu għandu messaġġ tajjeb u rilevanti ħafna għalina llum. L-ewwel nett, li għandna nieħdu bis-serjetà l-katekeżi, li tgħinna nagħrfu aktar lil Ġesù, inħobbuh, u ninbnew u nissaħħu fir-relazzjoni tagħna miegħu. Katekeżi mhux biss tat-tfal imma wkoll tal-kbar. Aħna nafu kemm hemm bżonn it-tagħlim. L-akbar għadu hi l-injoranza, għax tagħmilna vittmi tal-qerq u tal-misinformazzjoni, kif kellu anke l-opportunità li jispjega l-Papa Franġisku reċentement. Jekk nieħdu bis-serjetà t-tagħlim, ikollna l-għeruq sodi fil-ħajja tagħna Nisranija, b’formazzjoni li tibnina tassew. Imbagħad, Nazju Falzon jurina wkoll kemm hu importanti li mmorru lejn dawk l-għejun, li minnhom nixorbu u nirċievu l-qawwa: l-imħabba lejn l-Ewkaristija, l-imħabba lejn Ommna Marija u lejn San Ġużepp – dawn lilna jgħinuna qalb id-diffikultajiet u l-ostakli tal-ħajja.

Il-Papa Ġwanni Pawlu II kien spjega wkoll kemm hu importanti li aħna nsaħħu t-tradizzjonijiet sbieħ li jgħinuna noqorbu lejn Ġesù, filwaqt li nippurifikawhom ħalli qatt ma jbegħduna minn Ġesù, imma jgħinuna naslu għandu. Hu jgħid li dan hu l-mod kif niċċelebraw il-memorja sabiħa ta’ dan il-beatu Nazju Falzon. Nitolbu lill-Mulej illum, bl-interċessjoni tiegħu: Mulej, agħmilna ħbieb tal-Evanġelju, dawwalna bil-kelma tiegħek, biex nistgħu tassew ninbnew bħala dixxipli tiegħek u nimxu fit-triq it-tajba.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju