• Fil-festa ta’ Kristu Re, l-Arċisqof Charles J. Scicluna appella lin-Nisrani sabiex jagħżel dejjem it-triq tal-verità li hija l-Kelma ta’ Ġesù. Qal li ħafna drabi ngħixu f’dinja fejn il-kmandamenti donnu qatt ma smajniehom, b’mod speċjali dawk il-kmandamenti li jħarsu l-proxxmu. L-Arċisqof saħaq fuq tliet kmandamenti li b’mod partikolari japplikaw għas-soċjetà tal-lum:

    La tigdibx. Fil-verità u fir-rispett tal-fatti hemm ir-rispett veru ta’ xulxin; il-gidba saret strument ta’ firda li tkisser mhux biss lin-nies imma popli sħaħ. 
    La toqtolx. Ixxaħħamx butek billi tirrovina ż-żgħażagħ bid-droga; tisfruttax lin-nisa f’kummerċ li jneżżagħhom minn kull dinjità; Tobgħod lil ħadd għax f’qalbek tkun diġà qattiel.
    La tisraqx. Tużax id-dgħufija ta’ ħaddieħor biex tisraq dak li hu tiegħu; iċċaħħad lil ħadd mit-tgawdija ta’ ambjent san; tużax il-pożizzjoni tiegħek għall-gwadann personali.

    L-istedina tal-Arċisqof hi li aħna, bħala bnedmin dgħajfa, nisimgħu l-leħen ta’ Ġesù biex inħobbu iżjed il-verità u nħobbu iżjed lil xulxin.

    Agħfas hawn biex tara l-highlights taċ-ċelebrazzjoni djoċesana ta’ Kristu Re.