• Nhar il-Ħadd 24 ta’ April 2016, l-Arċisqof Charles J. Scicluna ċċelebra Quddiesa tal-pussess tal-kappillan il-ġdid tal-Ibraġ,  Dun Mario Tong, fil-Knisja Parrokjali.

    Omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna 

  • Knisja Parrokjali Tal-Ibraġ
    24 ta’ April 2016
    Għażiż Fr Mario, nixtieq inwassal ftit kliem ta’ inkoraġġiment u nsellem lil din il-komunità għażiża li int se tkun bħala r-ragħaj tagħha.   
    L-ewwel ispirazzjoni li tiġini hija mill-Ewwel Qari tal-lum (Atti 14, 21-27) fejn nisimgħu b’ħafna postijiet b’mod speċjali fil-Greċja u fit-Turkija, li kienu l-bliet fejn marru Pawlu u Barnaba. Dawn bdew bl-appostolat tagħhom mibgħutin flimkien, imma bħal ma jiġri fl-istorja tal-Knisja, iġġieldu. Barnaba mar Ċipru u għamel l-appostolat tiegħu bħala l-mexxej tal-komunità Nisranija f’Ċipru. Jiġifieri jekk xi darba tgħaddi min xi kunflitt, ftakar f’Pawlu u Barnaba. Jien nikkonsla naqra’ l-Atti tal-Appostli għax il-preġji tal-Knisja u d-difetti tal-Knisja kienu hemm sa’ mill-bidu. L-ideal għoli, imma mbagħad id-dgħufija tagħna l-bnedmin ħafna drabi xxellef il-proċess tal-Mulej għalina. Aqraw l-Atti tal-Appostli biex tikkunslaw.
    Aħna llum irridu naqraw din il-paġna bħala bxara tajba anke jekk għandha xi dellijiet, għaliex l-istorja tal-Evanġelju hija verament impinġija fil-kjaro-skur. L-ewwel nett kull fejn kienu jmorru Pawlu u Barnaba kienu jagħmlu l-qalb lid-dixxipli u jħeġġuhom biex jibqgħu fil-fidi. U x’kienu jgħidiluhom? “Jeħtiġilna  nbatu ħafna biex nidħlu fis-Saltna ta’ Alla” (v. 22). ll-messaġġ tagħhom ma kienx messaġġ li bl-Ingliż ngħidulu ‘cheap grace’. Aħna ħafna drabi nkunu ttentati li l-Evanġelju mexxuh bħala triq faċli biex inti teħles mid-dwana. Mhux hekk. Pawlu u Barnaba jgħidu lid-dixxipli, “Jeħtiġilna nbatu biex nidħlu fis-Saltna ta’ Alla”.
    Imma ma kinux iħalluhom weħidhom. Kienu jagħmlulhom presbiteri f’kull Knisja, u bit-talb u s-sawm iħalluhom f’idejn il-Mulej li fih kienu hemm. Dan hu li aħna qegħdin nagħmlu llum. Jiena bħala l-Isqof ta’ din id-djoċesi, pubblikament, waqt il-liturġija ngħid li jien qaddej ta’ Alla mingħajr ma jistħoqqli, bil-Latin Indignus famulus, ‘qaddej mhux denn’. Darba wieħed kappillan barra minn Malta meta kien qed jitlob, qal hekk fuq l-Isqof: “itolbu għall-Isqof tagħna: qaddej mhux denn”. U l-Isqof ħa għalih. Qallu: ‘int se toqgħod tgħidli li jiena minix denn?” Dak qallu: “mhux hekk tgħid fuqek innifsek? Il-qassis kellu raġun mhux l-Isqof, għax dik hija r-realtà, għax l-Isqof huwa qaddej mingħajr ma jistħoqqlu. 
    L-Isqof irid jafda lill-komunità Nisranija, “bit-talb u s-sawm”, f’idejn il-presbiteru li jkun ir-ragħaj tagħhom. Jiena meta l-Vigarju Episkopali għall-Kleru, Mons. Abdilla kien qed jaqra xi ftit mis-C.V. tiegħek, bdejt ngħid: “Dan Fr Mario ħadem ħafna Malta imma ħadem ukoll Ġibiltà f’komunità ċkejkna. Imma dak li ħames mitt sena ilu kienet qiegħda fil-limitu ġeografiku. Kienu jgħidu li ma tistax tmur lil hemm minn Ġibiltà għax ‘hemm id-draguni u l-mostri’. Ġibiltà kienet qisu l-bieb tal-Mediterran, fejn kien hemm il-kolonni ta’ Erkole. Inti għażiż Fr Mario mort ukoll tiċċekkja x’hemm lil hemm minn Ġibiltà għax mort ukoll l-Amerka taħdem. L-esperjenza li inti ġġib lil din il-komunità, fil-maturità tas-saċerdozju tiegħek, Fr Mario, hija esperjenza mifruxa u wiesa ħafna. Jiena nħoss li l-qalb kbira tiegħek fl-esperjenza li ġibt, mhux biss minn Ġibiltà imma anke l-Amerika ta’ Fuq, tista’ tgħinek ħafna tkun ta’ servizz adegwat għal din il-komunità partikolari u jiena nħaddanha u nħobbha kif inhi.  Jiena hekk nitolbok tagħmel: li f’qalbek tħaddanha u tħobbha, kif inhi, għażiż Fr Mario, bl-esperjenzi kbar tagħha, bil-kwalità tan-nies tagħha, bl-aspirazzjonijiet tagħhom, bid-dgħufija tagħhom, bħal kull wieħed u waħda minna.    
    Aspett ieħor li jolqotni fl-Ewwel Qari hija li bejn il-komunitajiet kien hemm sentiment ta’ komunjoni kbira. L-ewwelnett kien hemm ukoll fidi fil-grazzja ta’ Alla. Minn hemm marru bil-baħar lejn Antjokja u rrikmandawhom f’idejn il-grazzja ta’ Alla għax-xogħol li temmew. Aħna rridu nirrikmandaw lil xulxin għax-xogħol li sar f’dawn l-aħħar snin, f’dan l-aħħar deċenju f’din il-Parroċċa. Veru li fl-Apokalissi llum hemm dik il-frażi li l-Mulej jgħid: “ara se nġedded kollox” (Apol 21, 5), imma aħna għandna l-memorja tagħna, in-nies għandhom ukoll il-memorja tagħhom, l-esperjenza tagħhom, l-ideat tagħhom u l-kappillan irid jilqa’ din l-esperjenza bħala barka, kultant ukoll bħala sfida, bħalma l-kelma tiegħek, l-entużjażmu tiegħek u l-proġetti tiegħek għal din il-parroċċa huma barka u sfida.
    “Ara se nġedded kollox”.  Fil-film ‘The Passion of the Christ’ ta’ Mel Gibson ipoġġi dan il-kliem fuq fomm Ġesù hu u jħaddan is-salib fil-bidu tal-Via Crucis“Ara, se nġedded kollox” għaliex it-tiġdid fil-Knisja, fil-parroċċa huwa wkoll Via Crucis, huwa wkoll triq li kultant fiha nogħtru. Ġesù fid-devozzjoni popolari tal-Via Crucis fejn aħna nimmaġinawh jaqa’ tliet darbiet, kultant ikollu bżonn ta’ Xmun iċ-Ċirinew jgħinu, imma matul it-triq issib lil-Ommu, lil-Veronika u lin-nisa ta’ Ġerusalemm isabbruh u jikkunslawh.
    Din hija t-triq ta’ kull Nisrani – mhix triq ta’ solitudni imma ta’ komunjoni, hija t-triq li fuq kollox fid-dawl tal-Evanġelju tal-lum, trid tkun immarkata bl-imħabba.
    “Nagħtikom kmandament ġdid li tħobbu lil xulxin”. In-novità ta’ dan il-kmandament, x’inhu? Għaliex Ġesù qed jgħid li dan huwa kmandament ġdid? “Bħalma ħabbejtkom jien hekk ukoll tħobbu intom lil xulxin” (Ġw 13, 34).  In-novità tal-kmandament ġejja min-novità tal-eżempju, tal-kejl li għaliha jagħżel Ġesù “bħalma ħabbejtkom jien”. Biex niftakru xi tfisser din il-kelma ta’ Ġesù, niftakru wkoll fil-kelma tiegħu: “m’hemmx imħabba ikbar minn din li wieħed jagħti ħajtu għal ħbiebu”. Dak huwa l-istil tal-imħabba ta’ Ġesù, dak huwa l-kejl tal-imħabba tiegħu, dik hija n-novità tal-imħabba tiegħu. 
    Intom li għandkom figura sabiħa ta’ Ġesù rxuxtat imma kruċifiss, irridu niftakru f’din il-ħaġa: li Ġesù rxuxtat jibqa’ jfakkarna fil-pjagi tas-Saltna, dawk il-pjagi li Tumas ried imiss, dawk il-pjagi li l-Mulej uriena bħala l-prezz tal-fidwa tagħna. Jekk aħna rridu nifhmu li tassew qegħdin nimxu fit-triq tal-Mulej, din il-mistoqsija irridu nagħmluha fid-dawl tal-kelma tiegħu: “minn dan jagħraf kulħadd li intom dixxipli tiegħi”. Wara l-ebda bniedem, imma wara Ġesù. “Minn dan jagħraf kulħadd li intom dixxipli tiegħi” (v. 35), jiġifieri jekk ikollkom l-imħabba bejnietkom.
    Kull inizjattiva, dan irid ikun il-kejl tagħha: kull risposta, kull atteġġjament dan irid ikun il-kejl tiegħu: l-imħabba. Jekk ġej mis-suppervja, jekk ġej mill-għira, jekk ġej mill-konflitt, mhux ġej minn Alla.
    Imma “minn dan jagħraf kulħadd li aħna dixxipli tal-Mulej”. Jekk kontinwament b’konflitt mal-passjonijiet u l-egoiżmu tagħna, aħna neżaminaw lilna nfusna: jiena qiegħed inħobb, qiegħed nagħti ħajti?
    Jiena nitlob għalik, Fr Mario, nitlob għall-komunità għażiża ta’ din il-Parroċċa u nitlob din il-grazzja speċjali li fil-parrokkat tiegħek, ikollok il-konsolazzjoni li twassal iż-żgħażagħ is-seminarju. Il-Mulej miegħek.   
      Charles J. Scicluna                                                            
         Arċisqof ta’ Malta
  • Ritratti: Cecil Camilleri (Studio 52, San Ġwann)