• Is-Sibt 11 ta’ Lulju 2015, l-Arċisqof Charles J. Scicluna ġie mlibbes il-pallium min-Nunzju Appostoliku l-ġdid, l-E.T. Mons. Mario Roberto Cassari, waqt Quddiesa Pontifikali fil-Konkatidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta. Il-Quddiesa li bdiet fl-10.00 a.m. attendew għaliha diversi mistiedna, fosthom l-ogħla awtoritajiet tal-Istat, membri tal-Korp Diplomatiku, il-Kleru Djoċesan u l-membri tal-Ordinijiet Reliġjużi, Kappillani u rappreżentanti tal-parroċċi. 
    Din hija l-ewwel darba li Arċisqof ġie mlibbes il-pallium waqt Quddiesa fl-Arċidjoċesi ta’ Malta stess. Il-bidliet fir-rit tal-għoti tal-pallium saru fuq xewqa tal-Papa Franġisku, bil-għan li tiżdied il-parteċipazzjoni tal-Knisja tal-post, f’ċerimonja importanti fil-ħajja u fl-istorja tal-Knisja lokali.

    L-Omelija tal-Arċisqof

  • Konkatidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta

    11 ta’ Lulju 2015

    Nixtieq nagħti merħba uffiċjali u formali lin-Nunzju Apostoliku, Mons Cassari, u nilqgħuh fil-Knisja ta’ Malta bi gratitudni kbira għad-dedikazzjoni tiegħu. Eċċellenza Mons. Cassari, vogliamo darle officialmente il benvenuto nella chiesa a Malta, e ringraziamo il Signore per il dono che ci fa nella sua persona. 

    Ippermettuli wkoll nota ta’ ferħ u ta’ merħba lill-għażiż Isqof elett, Patri Ġorġ Bugeja, li l-Mulej bagħtu l-Libja. Eċċellenza, aħna nwegħduk it-talb tagħna, il-Mulej ikun il-ħarsien tiegħek, ikun il-premju tal-ubbidjenza tiegħek lejh, ir-Ragħaj it-Tajjeb. Nafu li din il-ħaġa ma fittixthiex minn rajk, imma aħna nammiraw ukoll is-sens ta’ missjoni u ta’ fiduċja sħiħa fil-qawwa ta’ Alla li jħarsek u li jqaddsek, lilek u lil merħla li ‘l quddiem jafdalek f’idejk, inti u tgħin lil Isqof Martinelli. Il-Mulej miegħek.

    Hemm frażi fil-Vanġelu (Lq 15, 1-7) li għadna kemm smajna, li tiġbor is-sinjifikat profond ta’ dak li qegħdin niċċelebraw illum bir-rieda tal-Papa Franġisku, li t-tqegħid fuq spallejja tal-pallium isir propju f’Malta. Meta jsib in-nagħġa l-mitlufa, ir-Ragħaj it-Tajjeb jifraħ biha u jerfagħha fuq spallejh, imur id-dar, isejjaħ għandu l-ħbiebu u l-ġirien u jgħidilhom: “ifirħu miegħi għax sibt in-nagħġa li ntilfitli”. 

    Din l-istola, din ix-xalla magħmula mis-suf tan-nagħaġ sa mill-eqdem żminijiet kellha sinjifikat qawwi u profond. Nistgħu ngħidu li hija waħda mill-ilbies liturġiku l-iżjed antik fil-Knisja. Hija magħmulha minn suf tan-nagħaġ li għandu storja ħelwa. Ta’ kull sena, żewġt iħrief biss jagħtu s-suf – għax mhux is-suf ta’ kull pallium meħud minn dawn iż-żewġt iħrief – u dan jitħallat ma’ suf ieħor. Jiena nispera li almenu għandi xi xagħra minn dan is-suf fil-pallium li tani l-Papa. Pero’ l-iktar importanti huwa s-sinjifikat.

    Fl-Abbazia delle Tre Fontane, li huwa post qaddis għalina għaliex fih inqatel l-appostlu Missierna San Pawl, hemm monasteru tat-Trappisti li fih għandhom razzett tal-annimali fejn irabbu wkoll in-nagħaġ.

    Hemmhekk jintagħżu dawn iż-żewġt iħrief, imbagħad fil-festa ta’ Sant’Anjeze fil-21 ta Jannar, jittieħdu fil-knisja ddedikata lilha u jitbierku hemmhekk. Wara, jittieħdu għand San Pietru, il-Vatikan, u jberikhom il-Papa. Wieħed ikun imżejjen bil-fjuri ħomor u l-ieħor bil-fjuri bojod, u dan għaliex Sant’Anjeże kienet verġni u matri. Imbagħad wara li jberikhom il-Papa, jittieħdu għand is-sorijiet Benedittini ta’ Santa Cecilia in Trastevere. Minn Jannar sal-ħabta tal-Għid, dawn iż-żewġt iħrief jieħdu ħsiebhom is-sorijiet, imbagħad iġiżżuhom għall-Għid u s-suf tagħhom jintbagħat biex jitħallat ma’ suf ieħor ħalli jsiru dawn il-pallia. Din is-sena l-Papa Franġisku qassam 47 minnhom. 

    Is-sinjifikat profond huwa li f’dan il-palium hemm rabta ma’ żewġ appostli, Pietru u Pawlu, u żewġ verġni u martri, Anjeże u Ċecilja. Il-qraba tiegħi: il-mama u ħuti l-bniet wara li ppreżentahom ħija Jesmond, poġġew ukoll tlett labar li jirrapreżentaw antikament it-tlett imsiemer li bihom ssallab il-Mulej Ġesù. Imma 800 sena ilu, il-Papa Innoċenzu III kiteb is-sinjifikat profond tal-pallium li ma tantx tbiddel minn dak iż-żmien, u Lotario dei Conti Disegni 800 sena ilu kiteb kummentarju fuq il-pallium. Jgħid li l-pallium l-ewwelnett huwa d-dixxiplina, il-madmad tad-dixxiplina u l-ubbidjenza li l-Isqof irid juża’ fuqu nnifsu u fuq il-merħla. Il-Papa Benedittu dakinhar li inawgura l-Pontifikat tiegħu fl-2005 tkellem fuq il-madmad tar-rieda t’Alla. Mela l-ewwel sinjifikat profond tal-pallium li huwa fuq spallejja, fuq il-persuna tal-Isqof, hija l-madmad li jobdi r-rieda t’Alla.

    Il-Papa Innoċenzu irrimarka fuq il-fatt li s-suf tan-nagħaġ huwa aħrax meta tmissu u allura r-ragħaj irid ikun ta’ id soda, imma ta’ kulur abjad, għax fl-istess ħin irid ikun ta’ ħlewwa, sod imma ħelu. Hu jitkellem dwar l-erba’ slaleb li hawn ma’ għonqi, u jgħid li dawk huma l-virtujiet li lill-persuna jagħmluha tassew matura, il-virtujiet kardinali, fuq xhiex jistrieħ il-bieb (cardo): il-ġustizzja, il-prudenza, il-qawwa u r-rażan. Imma mingħajr salib, jgħid Innocenzu III, dawn il-virtujiet ma jwasslukx għal qdusija. Imbagħad hawn dawn iż-żewġ pendenti li għandom ukoll ftit ċomb biex jibqa’ l-isfel u għal Lotario Desegni huma l-ħajja attiva u kontemplattiva. L-Isqof għandu ħafna x’jagħmel imma jrid jieħu ħsieb ukoll il-ħajja tat-talb.

    L-aħħar ħsieb ikun fuq dawn it-tlett splenguni jew labriet, u Innoċenzu III fil-Misteriorum Missae jgħid li huma l-ħniena lejn il-poplu ta’ Alla, bix-xogħol, il-ħidma tar-ragħaj u l-ġustizzja li jrid juża’ ma kulħadd.  

    Jiena nitlobkom titolbu għalija biex dan is-sinjifikat ma jkunx għalija kliem vojt imma jkun programn ta’ ħajja. Fit-talba li talab in-Nunzju, huwa u jimponi l-pallium fuq spallejja, fakkarni li dan huwa sinjal ta’ għaqda, ta’ komunjoni. L-ewwelnett inħoss li d-dover tiegħi fundamentali huwa li nkun f’komunjoni kontinwa ma’ ħija l-Isqof t’Għawdex, u mal-Isqfijiet l-oħra, mal-Qdusija tTiegħu l-Papa, biex inkunu xhieda ħajja tal-ġisem ta’ Kristu fuq l-art. 

    Il-mantar li Elija ħalla lil Eliżew tah qawwa lil Eliżew (ara 2 Slat, 2,13) u dan il-palliu,m li qabel tbierek mill-Papa kien fuq il-qabar ta’ San Pietru, jikkomunika wkoll lill-Knisja f’Malta l-grazzja u l-vokazzjoni li tkun f’komunjoni mal-knejjes kollha, mal-Knisja Kattolika Appostolika Rumana. Itolbu għalija biex dejjem infittex in-nagħġa li twarrbet mill-merħla u li nattiraha mhux lejja nnifsi imma lejn Ġesù mimli ħniena għal kull wieħed u waħda minna.

    Il-pallium ifakkarni wkoll li kull ma nagħmel irrid nagħmlu quddiem dak li għad jiġġudikani, l-Imħallef ġust u ħanin. U itolbu għalija biex bħala Isqof nagħmel ir-rieda t’Alla u nkun ragħaj skont il-qalb tiegħu. Itolbu għalija biex jiena nuża’ ħniena ma’ kulħadd u ma nibża’ qatt nuri s-sbuħija u l-ferħ tal-Evanġelju.

    I would like to greet our distinguished guests especially your excellencies the ambassadors who joined us in today’s liturgy. I was sharing in Maltese some reflections written by Innocent III, 800 years ago, on the pallium, which was blessed by the Holy Father and imposed upon my shoulders by the Nuncio. It reminds the shepherd that he has to be in the image of Jesus who finds the lost sheep and carries it with great joy on his shoulders. So it is an invitation to compassion and mercy but it is also the yoke of obedience and discipline that is why it has lots of crosses. There is a wonderful trajectory about the wool, or at least some of the wool, which is used to make these palia, because it started from Tre Fontane where Paul the Apostle was martyred, it goes to Sant’Anjeze where Agnes was martyred, it then goes to the Vatican where Peter was martyred and then in Trastevere Santa Cecilia where Cecilia was martyred. And so we have two men and two women, Peter and Paul, Agnes and Cecilia, who are linked in the making of the palia.

    I thank everybody for your kindness in coming for this celebration. I pray that you pray for me that I may be a holy Bishop according to the will of God.

    Nirringrazzjakom bil-qalb talli ġejtu, naf li hawn ħafna festi u ħafna marċi li huma wkoll importanti, u ħafna sħana wkoll, imma il-preżenza tagħkom hija apprezzata ħafna u ħafna. Itolbu għalija. Nixtieqkom titolbu ħafna għalija u ppermettuli  nsellem lill-papa’ u nitolbu jitlob  għalija.

     Charles J. Scicluna

        Arċisqof ta’ Malta

  • Ritratti: Photocity, Valletta.
    www.photocitymalta.com