Cardinal Tarcisio Bertone

Kienet ippublikata l-ittra tas-Segretarju tal-Istat tal-Vatikan, il-Kardinal Tarcisio Bertone, li kiteb il-Papa Benedittu XVI lis-saċerdoti tal-Knisja Kattolika fir-Repubblika taċ-Ċina għall-okkażjoni tas-sena ddedikata lis-saċerdoti, li ssejħet biex tfakkar il-150 anniversarju mill-mewt ta’ San Ġwann Maria Vianney, magħruf bħala l-Kurat t’Ars.

“Fl-ittra li permezz tagħha l-Papa indirizza lill-Isqfijiet, lis-saċerdoti u l-persuni fil-ħajja kkonsagrata, kif ukoll il-lajċi, issemmew linjigwida għall-ġejjieni tal-Knisja”, spjega l-Kardinal Bertone fl-ittra li kienet ippubblikata biċ-Ċiniż, bl-Ingliż u bit-Taljan. “Fost l-oħrajn, nixtieq nenfasizza r-rikonċiljazzjoni fi ħdan il-komunita kattolika u d-djalogu kostruttiv mal-awtoritajiet ċivili, mingħajr ċaħda tal-prinċipji bażiċi tal-fidi kattolika”, żied jgħid. F’dan ir-rigward, “minkejja d-diffikultajiet persistenti, l-informazzjoni li waslet minn għadd ta’ bnadi taċ-Ċina, ukoll tagħti sinjali ta’ tama”.

Il-Kardinal Bertone ukoll esprima l-fehma li f’perjodu ta’ sentejn mill-pubblikazzjoni tal-Ittra tal-Papa, “ma jidhirx li għadu wasal iż-żmien għal evalwazzjoni definittiva. Fi kliem il-missjunarju kbir taċ-Ċina, Fr Matteo Ricci, għadu iktar żmien li wieħed jiżra milli jaħsad”.

Fl-indirizz lill-kleru Ċiniż, il-Kardinal Bertone qal li “hemm mezzi differenti kif wieħed jagħti kontribuzzjonijiet ta’ valur. Ta’ eżempju huma ż-żjarat lill-familji kattoliċi u oħrajn mhux kattoliċi, iż-żjieda fl-isforzi għat-taħriġ ta’ katekisti tajbin, l-użu dejjem jikber tas-servizzi ta’ karita l-aktar dawk indirizzati lit-tfal, lill-morda u lill-anzjani, u l-organizzazzjoni speċjali ta’ laqgħat fejn il-kattoliċi jistiednu lill-qraba u ħbieb tagħhom li mhumiex kattoliċi sabiex isiru iżjed midħla tal-Knisja Kattolika u l-fidi nisranija, b’sostenn li jiġi wkoll mit-tqassim ta’ letteratura kattolika li jkollha għalhekk ir-relevanza tagħha li dawk mhux kattoliċi”.

“F’din is-sena ddedikata lis-saċerdoti, nixtieq infakkarkom fis-sors li jagħtikom il-qawwa għal din il-missjoni importanti tagħkom…l-Ewkaristija. Komunita maqgħuda fl-Ewkaristija, ma tingħalaqx fiha nnifisha iżda tibqa’ f’għaqda sħiħa ma’ kull komunita kattolika oħra”.

Bertone ssokta jitkellem dwar għadd ta’ inizjattivi għall-promozzjoni tal-vokazzjonijiet saċerdotali, bħal jiem u laqgħat ta’ talb jew iritiri, li matulhom is-saċerdoti jingħaqdu flimkien fit-talb iggwidati b’riflessjonijiet minn xi direttur spiritwali.

Issokta li l-“Papa jirrealizza li fiċ-Ċina wkoll, bħall-fil-bqija tal-Knisja, qed tinħass il-ħtieġa ta’ formazzjoni kontinwa. Għalhekk l-istedina indirizzata lill-Isqfijiet bħala mexxejja tal-Komunitajiet Kattoliċi hi maħsuba biex tqajjem ħsieb lejn il-membri tal-kleru li huma żgħażagħ u li kontinwament huma soġġetti għal sfidi pastorali ġodda, relatati anki mal-bżonnijiet ta’ evanġelizzazzjoni tas-soċjeta tal-lum”.