• Bejn l‑1 ta’ Settembru u l‑4 ta’ Ottubru li ġej, f’Malta u Għawdex ser jitfakkar ‘Ix‑Xahar tal‑Ħolqien fil‑Ħsieb Nisrani’ għas‑sena 2017. It‑tnedija ser issir nhar is‑Sibt 2 ta’ Settembru, mill-Arċisqof Charles J. Scicluna, waqt Quddiesa Solenni fil‑Konkatidral ta’ San Ġwann, il‑Belt Valletta, fis‑6:00 p.m. Dan wara li nhar il‑Ġimgħa l‑1 ta’ Settembru, fil‑knejjes ta’ Malta u Għawdex, ikun sar talb għall‑kura tal‑ħolqien.

    Dan iż‑żmien speċjali jagħlaq il‑Ħadd l‑1 ta’ Ottubru, b’Quddiesa Solenni ċċelebrata mill-Isqof Mario Grech, fil‑Knisja tal‑Patrijiet Konventwali, Triq ir‑Repubblika, il‑Belt Valletta, fl‑10:30 a.m.

    L‑attivitajiet organizzati mill‑Kummissjoni Interdjoċesana Ambjent (KA) flimkien ma’ Nature Trust Malta (NTM), biex jitfakkar ix‑Xahar tal‑Ħolqien, jinkludu żjara fil‑Park Naturali u Ċentru għall‑Iżvilupp Sostenibbli fi Xrobb l‑Għaġin, il‑Ħadd 24 ta’ Settembru, fid‑9:00 a.m. Hemmhekk ser issir taħdita dwar l‑Enċiklika tal-Papa Franġisku Laudato Si’, indirizzata mill‑Profs. Paul Pace mill‑Università ta’ Malta. Matul ix‑xahar ta’ Settembru ser tittella’ wirja fotografika f’Għawdex.

    L‑Erbgħa 4 ta’ Ottubru, bejn is‑7:00 u d‑9:00 p.m., ser tiġi organizzata laqgħa pubblika fil‑Millennium Chapel, Paceville, bit-tema “Laudato Si’: fehmiet dwar il‑ħarsien tal‑ħolqien, imnebbħa minn twemmin differenti u minn perspettiva sekulari”. Il‑kelliema jinkludu rappreżentanti Insara, Lhud, Musulmani, kif ukoll rappreżentanti ta’ għaqdiet mhux governattivi li jaħdmu favur l‑ambjent, u rappreżentanti ta’ għaqdiet reġjonali tal‑Mediterran. Din il-laqgħa ser tiġi indirizzata wkoll min-Nunzju Appostoliku għal Malta, Mons. Alessandro D’Errico, u mill‑Kummissarju Ewropew għall‑Ambjent, l‑Affarijiet Marittimi u s‑Sajd, Karmenu Vella. Din il-laqgħa pubblika ser issir qabel il-konferenza internazzjonali ‘Our Ocean’, mtellgħa mill‑Unjoni Ewropea fil‑5 u s‑6 ta’ Ottubru, f’San Ġiljan.

    Mario Camenzuli, iċ‑Ċerpersin tal‑KA qal: “Inħeġġu lill‑Maltin u l‑Għawdxin kollha biex jaħsbu sewwa dwar x’qed jagħmlu biex jieħdu ħsieb l‑ambjent, kemm fi djarhom kif ukoll barra, fit‑triq u fil‑kampanja. Jaħsbu kif jistgħu jtaffu l‑ħsara li qed issir lil din id‑dar komuni tagħna minħabba l‑istil ta’ ħajja li qed ngħixu, fejn tispikka l‑attitudni ta’ ‘l‑aqwa li jien tajjeb’. Inħeġġiġkom li tattendu għal dawn l‑attivitajiet u tirringrazzjaw lil Alla għal dan il‑ħolqien li aħna parti minnu, waqt li nimpenjaw rwieħna li nħarsuh. Iżda wkoll tistgħu torganizzaw l‑attivitajiet tagħkom, żgħar jew kbar, fi djarkom, fit‑triq fejn toqogħdu, fl‑iskola, fil‑parroċċa jew fuq il‑post tax‑xogħol. Għidulna dwar dak li bi ħsiebkom tagħmlu billi tiktbulna fuq [email protected].”

    Fi kliem Vincent Attard, il‑President ta’ NTM: “L‑isfidi ambjentali ta’ Malta ser jiżdiedu hekk kif qed jikber l‑impatt tat‑tibdil fil‑klima. Qed naraw żieda fit‑temperaturi kemm fis‑sajf kif ukoll fix‑xitwa, ninnutaw nuqqas ta’ xita u l‑erożjoni tal‑kosta tagħna. Dan hu theddida serja għall‑biodiversità unika li għandna fil‑gżejjer tagħna. Dan kollu jiżdied mal‑problemi li qed inħabbtu wiċċna magħhom illum. Ix‑Xahar tal‑Ħolqien fil‑Ħsieb Nisrani hu ż‑żmien ideali għaċ‑ċittadini biex jaħsbu bis‑serjetà x’jistgħu jagħmlu huma stess, u x’jemmnu li għandu jsir mill‑awtoritajiet u mill‑oqsma l‑iktar b’saħħithom fl‑ekonomija biex itaffu dawn il‑problemi.”

    Ix‑Xahar tal‑Ħolqien beda fl‑1989, mill‑Patrijarkat tal‑Knisja Ortodossa, f’Kostantinopli, u llum iħarsuh il‑knejjes Insara fid‑dinja kollha. Nhar il‑Ġimgħa filgħodu, l‑1 ta’ Settembru, il‑Papa Franġisku ser jagħti messaġġ biex iniedi formalment ix-Xahar tal-Ħolqien u jħeġġeġ lil 1.2 biljun Kattoliku fid‑dinja josservawh. Firxa sħiħa ta’ għaqdiet Insara mhux governattivi Ii hawn madwar id‑dinja qed jikkordinaw attivitajiet u jorganizzaw servizz ta’ talb online fis‑16 ta’ Settembru – www.seasonofcreation.org – li ser jitmexxa mill‑Arċisqof ta’ Canterbury u mexxejja ta’ reliġjonijiet oħra.