L-Omelija tal-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi

Bdejna din il-Vġili tal-Għid fid-dlam. U kien fid-dlam ukoll meta ż-żewġ nisa, kif smajna fir-rakkont tal-Evanġelju skont San Mattew, marru fejn il-qabar ta’ Ġesù. Kien fid-dlam meta qed jibda jżernaq il-jum. Ma marrux hemmhekk bit-tama li jarawh ħaj. Marru hemmhekk sforz l-imħabba kbira li kellhom lejh, huma li kienu tant qrib tiegħu fil-ħajja. Huma li kienu semgħu l-kelma tiegħu, kienu qrib tiegħu, baqgħu fidili lejh sal-aħħar, sa taħt is-salib, huma li xtaqu li qatt ma jgħaddu minn din l-esperjenza tal-firda daqshekk kiefra li Ġesù mhux biss imut imma jkun maqtul b’dak il-mod terribbli. Xtaqu li jmorru b’rispett fejn il-ġisem tiegħu mejjet fil-qabar.

Imma hemmhekk kellhom l-ikbar sorpriża mhux biss għalihom, mhux biss għan-nies l-oħra, imma għall-bnedmin kollha. L-anġlu li kien gerbeb il-ġebla tal-qabar vojt tahom l-Aħbar: Qegħdin tfittxu lil Ġesù li kien imsallab. Mhuwiex hawn, imma qam mill-mewt.

Din hi l-Aħbar li bidlet il-ħajja ta’ dawn it-tnejn, imma wkoll tad-dixxipli ta’ Ġesù u bidlet il-ħajja tal-bnedmin kollha. Ġesù li kien mejjet irxoxta. Qam għal ħajja ġdida. Ma qamx biex jerġa’ lura għall-ħajja li kien. Qam għal ħajja ġdida. Din kienet l-esperjenza ta’ dawn it-tnejn, li mbagħad kellhom ix-xorti jiltaqgħu miegħu kif smajna fl-Evanġelju, u din hi l-esperjenza kbira li nħabbru llum b’ferħ kbir f’dan il-Vġili tal-Għid: Kristu hu ħaj, Kristu jgħix. Għalhekk bdejna l-Vġili fid-dlam, imma mbagħad fil-bidu nxtegħel il-blandun li jfisser li Kristu hu ħaj u li jagħti d-dawl lill-bnedmin kollha.

Fid-dawl tiegħu, stajna naraw – meta smajna dawn is-siltiet kollha mill-kelma ta’ Alla –  dak li Alla għamel fl-Istorja tas-Salvazzjoni għall-bniedem. Żgur li jolqotna kif Alla mill-bidu ried jagħmel kollox b’imħabba lill-bniedem. Jagħmel kollox tajjeb, kollox għall-ġid. Fil-bidu, l-ewwel qari tal-Ġenesi, jitkellem fuq id-dlam u l-ewwel kelma ta’ Alla: Ħa jkun id-dawl. Il-qari kollu jurina dak li Alla għamel mal-poplu tiegħu.

Dan hu li niċċelebraw: ir-rebħa tal-ħajja fuq il-mewt, tal-imħabba fuq il-mibegħda, tat-tama fuq il-biża’ …

Imma fit-Testment il-Qadim naraw kif l-Istorja tas-Salvazzjoni hi dejjem: Alla jagħmel kollox għall-ġid tal-bniedem, u ħafna drabi jkollu rifjut u jkollu l-kuntrarju. U Alla jerġa’ mill-ġdid joħloq, jerġa’ mill-ġdid jagħti l-ħajja. Din tkompli sejra, sa meta bagħat lil ibnu stess, u ibnu kien maqtul. Meta Ġesù qam mill-mewt għandna r-risposta definittiva ta’ Alla li hu ħaj, li jagħti l-ħajja, li jġedded lill-bniedem. Kif qalilna San Pawl, Kristu qam mill-mewt biex ma jmutx aktar, il-mewt ma taħkimx aktar fuqu. Dan hu li niċċelebraw: ir-rebħa tal-ħajja fuq il-mewt, tal-imħabba fuq il-mibegħda, tat-tama fuq il-biża’: din il-ħajja ġdida li tana Alla għax Kristu hu ħaj.

L-Aħbar it-Tajba mhijiex biss li Kristu hu ħaj imma, kif semma San Pawl, li hu jagħti l-ħajja lilna li nissieħbu miegħu. Din hi Aħbar it-Tajba għal kull wieħed u waħda minna, u tfisser ħafna. Speċjalment fiż-żminijiet diffiċli li qed ngħixu llum, din hi aħbar li lilna tagħmlilna ħafna ġid u tagħtina ħafna kuraġġ. L-ewwel nett turina li Kristu jagħti l-ħajja, u l-mewt mhijiex l-aħħar kelma. Għalina li nemmnu fih, Kristu jagħtina l-ħajja ta’ dejjem.  Id-destinazzjoni tagħna mhijiex hawn, imma hi miegħu għal dejjem fis-sema.

Permezz tal-festa tal-Għid jurina wkoll li hawn tibda l-ħajja ta’ dejjem. Hawn aħna msejħin biex nissieħbu ma’ Kristu fil-qawmien tiegħu.

Meta nqumu mid-dnub tagħna, bil-qawwa tiegħu, qed ngħixu l-esperjenza tal-qawmien. Meta, aħna għax imseħbin ma’ Kristu, ngħinu lill-bnedmin biex iqumu għal ħajja ġdida, biex isalvaw ħajjithom, biex ikollhom il-ħajja, qed nieħdu sehem fil-qawmien ma’ Kristu. Meta aħna, għax inħobbu, kif uriena Kristu, nibnu fejn ikun inħatt, u nġeddu fejn ikun qdiem, qed nieħdu sehem fil-qawmien ta’ Kristu. Għalhekk, hu issa li Ġesù jsejħilna biex miegħu nieħdu sehem fil-ħajja ġdida, f’dan it-tiġdid. Miegħu nieħdu sehem fil-qawmien li qed niċċelebraw illum.

It-talba li nixtieq nagħmel għalina lkoll hi biex aħna dejjem ngħożżu din il-ġrajja kbira tal-Għid. Dejjem tkun tfisser għalina l-ferħ f’qalbna, il-paċi f’qalbna. Dejjem inxandruha lill-oħrajn u nwassluha lill-oħrajn.  Nitolbu li Alla jagħtina l-grazzja li fil-ħajja tagħna ta’ kuljum nissieħbu ma’ Kristu li qam mill-mewt, mar-rebħa kbira li hu għamel, biex kull jum ikun ifisser għalina r-rebħa tat-tajjeb fuq il-ħażin, ir-rebħa tal-imħabba fuq il-mibegħda, ir-rebħa tat-tama fuq il-biża’, ir-rebħa tal-ħajja fuq il-mewt.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju