L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

L-Evanġelju li l-Knisja tagħżel f’din is-sena għall-festa tal-Familja Mqaddsa, huwa Evanġelju li joffri almenu żewġ riflessjonjet importanti li xtaqt naqsam magħkom.

L-ewwel nett huwa l-mument meta fl-40 jum mit-twelid ta’ Ġesù, huwa l-Evanġelju li aħna se nerġgħu nisimgħu fit-2 ta’ Frar, fil-Kandlora, 40 jum wara l-25 ta’ Diċembru. F’dan il-mument Marija u Ġużeppi, biex jobdu l-Liġi ta’ Mosè, ħadu lil Ġesù Ġerusalemm biex jippreżentawh lill-Mulej.

Din il-liġi kienet tfisser li l-ewwel wild ta’ kull familja jiġi offrut lill-Mulej għaliex fl-antik waħda mill-affarijiet traġiċi tal-qima lill-allat, kienet li toffrilu l-wild tiegħek, xi ħaġa li anke Alla jagħmel biex jittestja lil Abram u jgħidlu biex joffrilu lil ibnu Iżakk: ‘jiena rajt li inti tistmani ta’ Alla li jien, daqskemm l-oħrajn jistmaw ta’ allat li huma lill-allat folloz, mela ibnek mhux talli ma rridux imma se jkun in-nisel kbir (ara Ġen 22:12) li mbagħad aħna nafu huwa n-nisel ta’ Iżrael. Li toffri lil uliedek lil Alla kienet mod kif lil Alla tqimu tassew. Din l-offerta għall-poplu ta’ Iżrael ma kinitx tfisser li toqtol lil uliedek imma li tifdihom billi tagħti jew ħaruf jew jekk tkun fqir tagħti żewġ ħamimiet jew par bċieċen. Hekk għamel Ġużeppi. Fil-fatt, fir-rakkont ma jissemmix il-ħaruf għal min seta’, imma jissemmew propju l-offerta tal-fqar, joffru b’sagrifiċċju par gamiem jew żewġt ibċieċen. Wara kollox, huma kellhom il-ħaruf li kien Ġesù, il-Ħaruf t’Alla u joffru lil Ġesù lill-Mulej bħalma kienet tagħmel kull familja.

L-ewwel ħsieb tiegħi hija din tal-offerta. Wara kull familja Nisranija hemm l-offerta tagħna nfusna. Hawnhekk illum aħna rappreżentati permezz ta’ żewġ koppji l-koppji żgħażagħ illi żżewwġu din is-sena u koppja żgħażugha li se tiżżewweġ s-sena d-dieħla. Huma mistiedna li jgħixu l-offerta tagħhom infushom.

F’ittra sabiħa dwar San Ġużepp li l-Papa Franġisku tana propju fil-festa tal-Kunċizzjoni, jgħid li anke Ġużeppi jidħol fil-loġika tas-sagrifiċċju tiegħu; mhuwiex is-sagrifiċċju tiegħu nnifsu, imma il-Papa jgħid li hi l-għotja tiegħu nnifsu. Ħafna drabi anke meta nitkellmu fuq il-ħajja tal-familja, ngħidu kemm trid sagrifiċċju. Il-Papa qed jgħid li qabel titkellem fuq is-sagrifiċċju tkellem fuq l-għotja tiegħek innifsek għax jekk tieqaf fuq is-sagrifiċċju mhux biss taqta’ qalbek, iżda lanqas biss taħsibha.

Kultant niltaqa’ ma’ koppji żgħażagħ li mhux beħsiebhom jiżżewġu. Donnha l-idea li qed nippreżentaw mhux qed tattirahom. Forsi għaliex nenfasizzaw wisq fuq is-sagrifiċċju u mhux biżżejjed fuq l-għotja tiegħek innifsek.

“F’dan il-bniedem,” il-Papa qed jitkellem fuq San Ġużepp “qatt ma nħossu li hemm frustrazzjoni imma biss fiduċja. Is-skiet persistenti tiegħu ma jikkontemplax tgergir imma dejjem ġesti konkreti ta’ fiduċja” (Patris Corde, nru 7). Issa nimmaġina li hemm xi koppji miżżewġin u ilhom ħafna miżżewġin u meta ngħid ma kienx hemm frustrazzjoni, imma tgergir, jgħid li din hija ideali għax fil-familja frustrazzjoni waħda, tnejn kuljum jekk mhux iżjed, tgergir ma jonqosx kważi f’ċertu età jsir il-lingwaġġ tal-imħabba: kemm domt ma qomt jew kemm qomt kmieni. Dak li jkun ma jirbaħ qatt. Imma dak li qed jgħidilna l-Papa huwa li dawn il-mumenti ta’ umanità u fraġilità, u anke ta’ simpatija, ma jistgħux ineħħu minna l-fiduċja f’xulxin jew inkella l-fatt li aħna qed nagħtu ħajjitna lil xulxin. Għax dan huwa l-misteru sabiħ taż-żwieġ Nisrani, ta’ żwieġ kif jixtiequ Alla, kif spjegahulna Ġesù.

Il-Papa jgħid li “id-dinja għandha bżonn ta’ missirijiet, u mhux sidien, jiġifieri ma tridx li min irid juża’ l-pussess tiegħu fuq l-ieħor biex jimla l-vojt tiegħu nnifsu, ma tridx li dawk li jfixklu l-awtorità ma’ awtoritariżmu” (Patris Corde, nru 7). Kultant naqgħu fit-tentazzjoni li qui commando io, hawnhekk kif ngħid jien. Min jaf kemm żgħażagħ semgħu din il-kelma, ħalli mbagħad abbli ma jkunx veru. “Is-servizz mas-serviliżmu, il-konfront mal-oppressjoni, il-karità mal-assistentjaliżmu, il-qawwa mal-qerda.

Meta naħsbu fuq iż-żwieġ l-ewwel irridu naħsbu fuq l-għotja tagħna nfusna. Dik hija l-imħabba.

“Kull vokazzjoni vera,” jgħid il-Papa, “titwieled mill-għotja tagħna nfusna li hi maturazzjoni tas-sempliċi sagrifiċċju. Hemm fejn vokazzjoni fiż-żwieġ, fiċ-ċelebat jew inkella vokazzjonijiet oħrajn ma tilħaqx l-maturitazzjoni tal-għotja tagħna nfusna imma tieqaf biss mal-loġika tas-sagrifiċċju. Allura flok issir sinjal tal-ġmiel u tal-ferħ tal-imħabba, tirriskja li tesprimi nuqqas ta’ kuntentezza, dwejjaq u frustrazzjoni” (Patris Corde, nru 7).

Meta naħsbu fuq iż-żwieġ l-ewwel irridu naħsbu fuq l-għotja tagħna nfusna. Dik hija l-imħabba. Ovvjament se jkun hemm mumenti ta’ tbatija u ta’ sagrifiċċju imma dak mhuwiex l-għan li wieħed jagħti ħajtu. Dak huwa forsi l-prezz li ċ-ċirkustanzi tal-ħajja jitolbu minna.

“Il-paternità,” għal min il-Mulej ibierku bl-ulied hi, “li ma taqax għat-tentazzjoni li l-ħajja tal-ulied tgħixha għalihom”. Min jaf kemm ġenituri jipproġettaw ix-xewqat tagħhom fuq uliedhom. L-importanti hu li lil uliedek tgħinhom jiżvilupaw il-ġenju li Alla poġġa fil-qalb tagħhom, li tarahom kuntenti, li tarahom jiffjorixxu, u mhux tgħix ħajtek fihom. Diġà tajthom ħafna, ikkoperajt ma’ Alla fil-ħolqien tagħhom, allura issa ma tistax tabbandunahom u trid tgħinhom jikbru fil-potenzjal kollu tagħhom.

Nissuġġerilkom taqraw din l-ittra sabiħa u qasira li l-Papa Franġisku kiteb war San Ġużepp. Fiha ħafna x’tomgħod u tirrifletti.

It-tieni u l-aħħar ħsieb huwa li l-Evanġelju tal-lum laqqgħana ma’ diversi anzjani. Ovvjament wara omm Ġesù, hemm żewġ personaġġi li nqimuhom: San Ġwakkin u Sant’Anna. Dawn kienu n-nanniet ta’ Ġesù imma 40 jum wara t-twelid tiegħu, Marija u Ġużeppi, jeħduh fit-tempju ta’ Ġerusalemm u hemmhekk jiltaqgħu ma’ raġel anzjan li qed jistenna u anke mara anzjana armla, Anna bint Fanwel. Hija ħaġa simpatika ħafna li din l-anzjana għandha l-istess isem ta’ omm Marija, tan-nanna ta’ Ġesù.

Dawn iż-żewġ anzjani, fl-għerf, fl-għatx tagħhom għall-verità, u fl-esperjenza tagħhom jagħrfu fit-tarbija Ġesù d-dawl li ġej fid-dinja, li ġie fid-dinja, il-glorja ta’ Iżrael, jagħrfu wkoll imma li se jkollu jbati, se jkun ukoll sinjal li jmeruh (ara Lq 2:32.34).

Kemm hi ħaġa sabiħa li aħna nisimgħu n-nanniet tagħna, kultant anke nisimgħu minnhom u mhux nisimgħuhom biss. Il-kelma Maltija semitika tant hi sabiħa mhux biss ismagħni, imma isma minni.

In-nanniet huma dawk li jorbtuna mal-għeruq tagħna.

Il-Papa jinsisti ħafna wkoll fuq dan id-djalogu bejn il-ġenerazzjonijiet. Iż-żgħażagħ għandhom bżonn jisimgħu lin-nanniet. Ħafna drabi l-ġenituri tagħna nisimgħuhom inqas milli nisimgħu lin-nanniet. In-nanniet għandhom dan ir-rwol ħelu fil-familja. Nixtieq insellmilhom u nirringrazzjahom tax-xhieda tagħhom. Aħna li għandna l-esperjenza meta n-nanna tgħidlek kelma, tgħidhielek bil-ħlewwa imma wara hemm esperjenza kbira.

Jekk illum fostna hawn in-nanniet, insellmilhom u nirringrazzjahom. In-nanniet ukoll kultant ifisduna. Noqgħodu attenti biex dak li jippruvaw jagħmlu l-ġenituri ma jinħaddx fin-nofstanhar li t-tifel jew t-tifla jmorru għand in-nanna. Imma dan id-djalogu bejn il-ġenerazzjonijiet importanti biex l-ewwel nett nibqħu nivvalorizzaw u napprezzaw l-għeruq tagħna. In-nanniet huma dawk li jorbtuna mal-għeruq tagħna.

Allura llum, fil-festa tal-Familja Mqaddsa, nixtieq nitlob propju dawn iż-żewġ grazzji minn Alla. L-ewwel grazzja hija li kull min għandu d-don tal-imħabba miżżewġa, jaħseb fl-għotja tiegħu nnifsu: il-mara li tagħti ħajjitha lir-raġel, ir-raġel jagħti ħajtu għall-mara, bħalma jgħallem ukoll San Pawl. Imma s-sagrifiċċju mhux il-qofol, is-sagrifiċċju kultant huwa prezz li rridu nħallsu minħabba l-għotja. Il-Papa qed jgħidilna: kunu pożittivi, agħtu lilkom infuskom bil-ferħ u hekk tkunu tistgħu tkunu iżjed imħejjija meta jiġi l-mument tas-sagrifiċċju tilqgħuh b’imħabba u mhux bil-frustrazzjoni.

It-tieni grazzja hija li għandna napprezzaw in-nanniet tagħna, inberkuhom, u nieħdu ħsiebhom b’mod speċjali f’dawn il-mumenti meta minħabba l-esiġenzi tas-saħħa tagħhom u tagħna ma nistgħux inkunu qrib tagħhom kif nixtiequ. Kemm hija iebsa għan-nanniet li ma jkunux jistgħu jaraw in-neputijiet tagħhom. U hekk ukoll għan-neputijiet. Imma għall-grazzja ta’ Alla, bil-mezzi ta’ komunikazzjoni nistgħu almenu nisimgħu u naraw lil xulxin. Jalla jiġi l-mument fejn iż-żgħażagħ tagħna jkunu jistgħu jpoġġu ħdejn in-nanniet tagħhom, jisimgħu xi rakkont ħelu, xi praspura, u jitgħallmu l-għerf veru tal-ħajja.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Ġen 15, 1-6; 21, 1-3
Salm: 104 (105), 1b-2.3-4.5-6.8-9
Qari II: Lhud 11, 8.11-12.17-19
Evanġelju: Lq 2, 22-40

Aktar ritratti >>