• Nhar is-Sibt 29 ta’ Awwissu 2015, l-Arċisqof Charles J. Scicluna ċċelebra Quddiesa fil-Knisja ta’ San Duminku, ir-Rabat, fl-okkażjoni tal-ftuħ tal-proċess djoċesan tal-kawża għall-beatifikazzjoni u għall-kanonizzazzjoni tal-Qaddejja ta’ Alla, Henry u Inez Casolani.

    L-Omelija tal-Arċisqof

  • Knisja ta’ San Duminku, ir-Rabat

    29 ta’ Awwissu 2015

    Il-Vanġelu tal-lum mill-Kapitlu 7 tal-Vanġelu ta’ San Mark jgħallimna lezzjoni importanti u essenzjali.

    Il-bniedem, jekk trid tkejlu, trid tħares u tifhem il-qalb tiegħu. Mhumiex l-affarijiet esterni, mhumiex it-tradizzjonjiet tal-bnedmin, lanqas it-titli u l-unuri li jagħtu lill-bniedem il-vera dinjità u l-vera tjubija tiegħu. Imma huwa dak li joħroġ mill-qalb li jagħti t-togħma sabiħa jew inqas, tal-bniedem li jkun. Il-Mulej Ġesù jagħti l-eżempju negattiv, fis-sens li tkellem dwar dak li jtebba’ l-bniedem minn ġewwa, “mill-qalb tal-bniedem,” jgħid “joħorġu l-ħsibijiet ħżiena, iż-żina, is-serq, il-qtil, l-adulterju, ir-regħba, il-ħażen”, u jagħti lista ta’ affarijiet tassew negattivi li jgħid dal-ħażen kollu minn ġewwa joħroġ u jtebba’ lill-bniedem (Mk 7, 21-25).

    Hemm ukoll in-naħa l-oħra tal-istess munita, għaliex hemm it-tajjeb li lill-bniedem jagħmillu tassew ġieħ: il-ħniena lejn il-proxxmu, is-safà, il-ġustizzja, l-għatx għall-ħajja, il-fedeltà fiż-żwieġ, il-karità mal-proxxmu, il-verità, kull kelma li ngħidu, il-ferħ bil-ġid ta’ ħaddieħor, il-kapaċità li nsibu f’ħaddieħor it-tajjeb, l-umiltà, il-prudenża, l-għerf. Jekk inti taqbad l-affarijiet negattivi li jsemmi Ġesù u taqlibhom fit-tajjeb, tirrealizza li dak li hu jgħid li jtebba’ l- bniedem meta hu tajjeb – bħall-umiltà, l-għaqal, il-ħniena lejn il-proxxmu – dawn lill-bniedem jagħmlulu tassew ġieħ.

    Dawn huma t-titli sbieh li bihom il-Mulej jixtieq li aħna niżżejnu bħala persuni, bħala familji, bħala komunitajiet. Għaliex tkun tant ħasra għalina li l-Mulej, meta jħares lejna, ikollu jgħid: “dan il-poplu bix-xufftejn biss jagħtini ġieħ imma qalbhom hija l-bogħod minni. Fiergħa hija l-qima li jagħtuni.” Kemm tkun ħaġa ta’ niket jekk il-Mulej, meta jħares lejna, fuqna, fuq il-komunitajiet tagħna, fuq id-djoċesi tagħna, ikollu jgħid bi qsim il-qalb: “fiergħa hi l-qima li jagħtuni.”   

    Ejjew inħarsu lejn ħutna, il-qaddejja ta’ Alla, il-beati u l-qaddisin biex minnhom nitgħallmu x’inhu l-veru Nisrani, mhux billi naqraw dwar il-virtujiet b’mod astratt imma billi l-virtujiet narawhom jiġu msaħħin u mħaddmin fil-ħajja ta’ kuljum.

    Aħna llum b’ferħ kbir bdejna l-proċess kanoniku, jiġifieri skont il-liġi tal-Knisja, ta’dawn iż-żewġ Insara li l-Mulej tahom il-grazzja jħobbu lil xulxin u li ngħaqdu fis-sagrament taż-żwieġ. Għall-grazzja t’Alla, fid-djoċesi għandna diversi proċessi ta’ beatifikazzjoni u ta’ kanonizzazzjoni ta’ saċerdoti, ta’ reliġjużi, anké ta’ lajċi, imma dan huwa l-ewwel proċess ta’ koppja miżżewwġa.

    Fid-dinja bħalissa qed jiġu ċċelebrati u mistħarrġa għoxrin proċess ta’ koppji miżżewwġa.  Waħda minnhom hija propju l-koppja Casolani li qegħdin nibdew il-proċess tagħha llum. Ħames snin ilu, fuq it-talba tal-maħbub Arċisqof Emeritu Pawlu Cremona, is-Santa Sede tatna l-permess, u llum imiss lili nkompli billi nibdew il-proċess.

    Sena ilu, fis-Sinodu tal-Isqfijiet, l-ewwel parti ta’ dan is-Sinodu li jitkellem fuq il-familja, il-Kardinal Amato ta xi eżempji ta’ kawżi ta’ koppji u fosthom semma l-kawża tal-koppja Casolani. Dakinhar kien l-14 ta’ Ottubru 2014. Fl-Awla tas-Sinodu kien hemm il-president tal-Konferenza Episkopali Maltija, Mons Mario Grech, li jgħid hu stess u kitibha pubblikament, li inħasad x’ħin sema l-isem ta’ Malta u l-isem tal-koppja Casolani jitħabbar mad-dinja kollha mill-Kardinal Amato, li huwa l-Prefett tal-Kongregazzjoni għall-kawżi tal-qaddisin. 

    Illum, sena wara, huwa ta’ ferħ kbira għalina li aħna nibdew dan il-proċess li hu fil-bidu tiegħu u  se jikkonsisti f’żewġ kawżi separati għaliex huma żewġ persuni distinti, il-mara u r-raġel. Evidentement iqaddsu lil xulxin bil-paċenzja li jieħdu b’xulxin, imma għandhom ukoll it-triq personali tal-qdusija. Għalhekk, il-Knisja trid tistħarreġ it-triq tal-qdusija tagħhom bħala persuni distinti. Imma meta nitolbu bl-interċessjoni tagħhom, nitolbu lil Alla bl-interċessjoni tagħhom bħala koppja, u għalhekk nibdew nitolbu, u nistedinkom titolbu, biex il-Mulej jagħtina sinjal ta’ fejqan fiżiku bl-interċessjoni tal-koppja Casolani. Jiġifieri mhux qed nippretendi żewġ mirakli, jalla jkun hemm iżjed, imma miraklu bl-interċessjoni tal-koppja Casolani.   

    Fit-18 ta Ottubru li ġej, il-Papa, fil-qalba tat-tieni parti tas-Sinodu, se jikkanonizza lill-koppja Martin, il-mama u l-papa ta’ Santa Tereża tal-Bambin Ġesu, Santa Tereza ta’ Lisieux. Hija rigal sabiħ għall-Knisja li l-ġenituri ta’ Santa Tereżina jiġu ddikjarati qaddisin. Huma beati u l-Papa, wara li approva l-miraklu bl-interċessjoni tagħhom, se jiddikjarahom qaddisin.

    Aħna għadna qed nibdew. It-triq hija twila, ma naqtgħux qalbna u nħallu f’idejn Alla! Jiena nafda wkoll fil-qalb ġeneruża tal-poplu Malti li jitlob b’ħerqa għall-glorifikazzjoni ta’ dawn il-qaddejja tiegħu u biex jagħtina sinjal skont ir-rieda tiegħU.   

    Fil-koppja Casolani naraw il-qdusija ta’ tant u tant koppji miżżewwġa Maltin u Għawdxin. Huma għexu l-fedeltà fiż-żwieġ, jum wara l-ieħor, affrontaw id-differenza tal-karattri u, biex ngħidu hekk, id-dispożizzjoni tagħhom, għax min ikun nervuż, min ikun paċenzjuż, imma b’din il-lima tal-ħajja l-Mulej jagħraf iqaddisna. Aħna nitolbu l-interċessjoni tagħhom għall-familji Maltin, għal dawk kollha li qed ifittxu t-triq tal-qdusija fis-sagrament taż-żwieġ. Insellmu wkoll lil dawk li, għalkemm qegħdin f’sitwazzjoni rregolari, għandhom għatx kbir għal Ġesù Kristu u għall-wens tal-Knisja tiegħU.

    Nirrepeti l-espressjoni feliċi ta’ Mons. Mario Grech li fl-Ittra Pastorali li ħabbar f’Santa Marija, fl-Għid tal-Assunta li għadda, tkellem dwar “il-balzmu tal-ħniena” li aħna rridu nwasslu fil-familji tagħna. Jalla dan il-balzmu li l-koppja Casolani użaw ma’ xulxin u mal-proxxmu, ikun balzmu wkoll li jdewwi l-feriti u l-ġerħat ta’ tant familji. Jiena nitlob għaż-żgħażagħ li qed jippreparaw għaż-żwieġ biex iħarsu lejn l-eżempju ta’ Henry u ta’ Inez, u jitolbuhom l-interċessjoni tagħhom huma u jħejju ruħhom għas-sagrament taż-żwieġ.

    Il-Mulej għarrafna li t-triq tal-vera qdusija hija l-għaqal, is-sapjenza tal-qalb, għax mill-qalb veru joħroġ dak li jtebba’, imma wkoll mill-qalb joħroġ dak li jqaddes dak li huwa ta’ veru unur.    Nirringrazzjawk, Mulej, talli inti, kif għallimna l-Appostlu Ġakbu: “għamiltna l-ewwel frott tal-ħlejjaq tiegħek, wellidtna bil-kelma tal-verità” (Ġak 1, 18).

    Nitolbok ukoll għat-tieni parti tas-Sinodu biex l-Isqfijiet, madwar il-Papa, jagħtuna risposti fil-karità, fil-ħniena u fil-verità għaliex m’hemmx imħabba vera mingħajr il-verità. Aħna mwelldin mill-kelma tal-verità li twassalna għal dik il-ħlewwa tal-kelma li ġiet imħawwla fina.

    Nagħlaq b’dawn il-kliem sbieh tal-appostlu Ġakbu: “Ilqgħu bil-ħlewwa l-kelma imħawwla fikom li tista’ ssalvalkom ruħkom. Kunu intom dawk li jagħmlu l-kelma u mhux tisimgħuha biss” (Ġak 1, 21-22). Mulej, agħtina l-grazzja li l-qima tagħna lejk ma tkunx xi ħaġa esterna imma li qalbna tkun qrib tiegħek, li minn qalbna toħroġ il-vera reliġjon u l-espressjoni tal-vera fidi.

    Qaddejja ta’ Alla, Inez u Henry Casolani: itolbu għalina.

    + Charles J. Scicluna

       Arċisqof ta’ Malta

  • Ritratti: Photocity, Valletta.

    www.photocitymalta.com